Futbol Sport

Arteta jikkonferma li Ljungberg se jibqa’ fl-istaff tekniku ta’ Arsenal

(Ritratt: Arsenal FC)

Il-manager il-ġdid ta’ Arsenal Mikel Arteta kkonferma li Freddie Ljungberg se jibqa’ fl-istaff tekniku ta’ Arsenal. Ljungberg li lagħab ma’ Arsenal bejn l-1998 u l-2007, kien fit-tmexxija temporanja tat-tim bejn it-tkeċċija ta’ Unai Emery u l-ħatra ta’ Arteta. F’sitt logħbiet li mexxa lit-tim, hu kiseb rebħa biss.

“Tkellimt ma’ Freddie wara l-logħba kontra Everton. Għidtlu l-idea tiegħi u n-nies li rrid inġib biex jiffurmaw l-istaff tekniku tiegħi, bl-irwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom. Ridt inkun naf x’kien qed iħoss u ried inkun naf x’kellu f’moħħu. Tkellimna u ħadna d-deċiżjoni li l-aħjar ħaġa għalih hi li jibqa’ magħna,” qal Arteta.

L-Ispanjol li kien l-assistent ta’ Pep Guardiola ma’ Manchester City, qal li Ljungberg jaf il-plejers, is-sitwazzjoni u l-istorja u kompla li bit-tagħrif tiegħu tal-logħba se jgħin biex Arsenal ikunu aħjar.

Arteta għad irid iħabbar lit-tim tekniku tiegħu iżda jidher li l-eks assistent kowċ ta’ Everton u Manchester United Steve Round se jkun involut. Hu jagħmel id-debutt uffiċjali fit-tmexxija ta’ Arsenal il-Ħamis kontra Bournemouth.