Futbol Sport

Beppe Iachini jinħatar kowċ ta’ Fiorentina

(Ritratt: EPA)

Wara li t-telfa tal-Ġimgħa kontra Roma kienet determinanti biex Vincenzo Montella tkeċċa minn kowċ ta’ Fiorentina, it-tmexxija tat-tim minn Firenze kienet intensiva fl-aħħar jiem biex jinħatar kowċ għat-tieni parti tal-istaġun.

Jidher li Fiorentina huma deċiżi li jafdaw it-tmexxija f’idejn Beppe Iachini. Hu mistenni jingħata kuntratt ta’ sena u nofs u jonqos biss il-firma biex b’hekk se jkun għeleb il-konkorrenza ta’ Laurent Blanc. Iachini mistenni jmexxi lit-tim għall-ewwel darba fis-6 ta’ Jannar fi Stadio Renato Dall’Ara kontra Bologna.

Iachini hu kowċ ta’ esperjenza fl-ogħla diviżjoni Taljana hekk kif mexxa diversi timijiet, bl-aħħar esperjenza tkun ma’ Empoli l-istaġun li għadda. Għalih dan se jkun ritorn hekk kif il-kowċ ta’ 55 sena lagħab ma’ Fiorentina bħala plejer bejn l-1989 u l-1994.

Din is-sena ma kinitx faċli għal Fiorentina hekk kif fl-istaġun li għadda salvaw fl-aħħar mumenti, fis-sajf kien hemm il-bidla fit-tmexxija tal-klabb u kellhom bidu ta’ kampjonat diżappuntanti. Fil-preżent huma jinsabu fil-15-il post fis-Serie A bi 17-il punt minn 17-il logħba, tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.