Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Qed tidher lesta għal aktar provi ta’ missili fost ‘l-istimolu militari’

L-osservaturi tal-Korea ta’ Fuq, skont l-aħħar indikazzjonijiet, qablu li l-Istat komunista qiegħed jaħseb biex jiżviluppa aktar l-aspett militari tiegħu. Dan meta r-reġim tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, wissa diġà li qed jagħti lill-Istati Uniti sal-aħħar tas-sena biex tkun ‘aktar flessibbli’ fit-taħditiet għal denuklearizzazzjoni.

L-inkwiet tal-osservaturi kompla jikber wara li analiżi ta’ ritratti meħudin bis-satellita ssuġġeriet li l-Korea ta’ Fuq qed tkabbar fabbrika li qed tkun konnessa mal-produzzjoni ta’ missili nukleari għal fuq id-distanzi twal,

Sadattant, ħarġu rapporti li Kim Jong-un, fi tmiem il-ġimgħa, mexxa laqgħa li kkonċentrat ‘fuq l-iżvilupp sostnut u aċċellerat tal-kapaċitajiet militari ta’ pajjiżu’.

Għadu mhux ċar jekk jew meta l-Korea ta’ Fuq kapaċi tibda mill-ġdid il-provi għall-missili fuq distanzi twal li jitqiesu bħala theddida ‘diretta’ għall-Istati Uniti.

Madankollu, l-analisti beħsiebhom isegwu b’attenzjoni kbira d-diskors tradizzjonali minn Kim Jong-un għas-Sena l-Ġdida u li kapaċi jipprovdi ħjiel tad-direzzjoni li għandha taqbad il-Korea ta’ Fuq matul l-2020.

Kien fl-ewwel diskors tiegħu għall-2017 li Kim saħaq li l-Korea ta’ Fuq kienet qrib li tipprova missila ballistika interkontinentali (ICBM) – bil-pajjiż iwettaq din il-prova xejn anqas minn tlett darbiet f’dik is-sena partikulari.

Il-Korea ta’ Fuq mexxiet diversi provi għall-armi matul din is-sena, iżda żammet lura milli tipprova ICBM li hi l-aktar arma li qed tħasseb lill-Istati Uniti.

Hu minnu wkoll li l-Korea ta’ Fuq ma wettqet l-ebda provi nukleari ġodda mill-2017. Iżda, fl-istess ħin, mhemmx dubju li waqgħu lura n-negozjati ta’ Pyongyang mal-Istati Uniti fir-rigward tad-denuklearizzazzjoni fil-penisola Koreana.

L-aħħar analiżi tar-ritratti meħudin bis-satellita konċentrat fuq struttura temporanja li, dan ix-xahar, bdiet tittella viċin il-bini fejn Kim kien segwa l-aħħar fażi tal-prova għall-missila interkontinentali Hwasong-15, qabel it-tlugħ tagħha (li kien mexa b’suċċess) f’Novembru tal-2017.

Wara din il-prova, il-Korea ta’ Fuq ftaħret li l-missili tagħha ‘issa kapaċi jolqtu kwalunkwe zona fl-Istati Uniti li tixtieq hi’.