Lokali Qtil Politiku

“Il-Lejber f’limbu”

Din kienet it-tema ewlenija tal-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent

Il-Partit Laburista f’limbu – messaġġi kunfliġġenti – Muscat ma jlissinx nofs ta’ kelma dwar l-id il-leminija tiegħu.

Din kienet it-tema ewlenija tal-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent, hekk kif fil-Qorti sar magħruf li l-eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri għadu investigat – kemm b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll dwar indħil fil-kors tal-ġustizzja.

Minn dak li kien imsejjaħ ‘mastermind’ mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, Keith Schembri issa sar tossiku, kulħadd iżomm id-distanzi. Oħrajn bħall-Ministru Chris Cardona sejħu biex Schembri jitkeċċa mill-Partit Laburista u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Randolph Debattista, jippostja b’mod ironiku meta ħarġet l-aħbar li l-investigaturi ma sabux il-mobile ta’ Keith Schembri.

Iżda minkejja dan kollu, ikompli l-editorjal, ħadd ma ħa azzjoni. Keith Schembri irriżenja waħdu minn Chief of Staff u rriżenja minn jeddu mill-Partit Laburista. Ħadd ma ssospendieh u wisq anqas keċċieh.

L-Editorjal ifakkar li f’dawn l-aħħar tliet snin, il-Partit Laburista ma talabx għar-riżenji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi meta inkixfu li kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Il-Partit Laburista baqa’ sieket u appoġġjahom minkejja l-ħama kollha li kompliet ħierġa tul dawn ix-xhur u s-snin.

Ikompli li anki issa, meta wieħed mill-iktar membri prominenti tiegħu jinsab taħt investigazzjoni, il-Partit Laburista ma sejjaħx għar-riżenja tiegħu u ma keċċiehx. Wieħed jistaqsi x’kien jagħmel il-partit kieku Keith Schembri webbes rasu u ma rriżenjax.

L-Editorjal itemm li f’dan kollu, jispikka s-silenzju ta’ Joseph Muscat, minkejja li skont rapporti, għadhom qed iżommu kuntatt ma’ xulxin.