Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Marthese Cini

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Marthese Cini, li għal snin twal iddedikat ħinha għas-servizz tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin bil-ħidma li wettqet fis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fuq bażi volontarja.

Marthese Cini ħadmet ukoll b’dedikazzjoni mat-tfal b’abbiltajiet differenti u anke baqgħet tagħmel dan ix-xogħol sa ftit taż-żmien ilu. Ħafna jiftakruha għall-kontribut tagħha fuq bażi volontarja fl-ELCOM u fil-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli u l-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista qal li b’ħidmitha, Marthese Cini riedet tkun għas-servizz tal-oħrajn. Dak kollu li kienet tagħmel kienet tagħmlu mill-qalb u b’dedikazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Marthese Cini għal ħidmitha u għall-impatt pożittiv fuq dawk kollha li jafuha u li ħadmu magħha u ta l-kondoljanza lill-familja u l-qraba tagħha.