Internazzjonali

Iraq: It-terroristi tal-ISIS ‘qed jerġgħu jieħdu s-saħħa’…

Qed jiżdiedu l-indikazzjonijiet li l-grupp terroristiku ISIS qed jorganizza ruħu mill-ġdid fl-Iraq, sentejn wara li tilef il-kontroll fuq l-aħħar ftit territorji li kien qed jokkupa f’dan il-pajjiż.

Filwaqt li jidher li l-ISIS qiegħed jieħu saħħa ġdida, uffiċjali tas-servizzi sigrieti Kurdi u tal-Punent infurmaw sezzjonijiet tal-istampa li l-preżenza tal-grupp terroristiku fl-Iraq għandha titqies bħal ‘rewwixta fuq livell sofistikat’ u meta, illum, żdiedu l-attakki minn dawn it-terroristi fuq il-miri partikulari.

Sorsi qrib is-servizzi sigrieti Kurdi qed jgħidu li l-militanti tal-ISIS, illum, saru aktar kapaċi u perikolużi mill-militanti mal-moviment al-Qaeda. Dan fost rapporti li l-ISIS għandu tattiċi offensivi superjuri u – minbarra l-kapaċità mill-aspett teknoloġiku — ħafna aktar flus għad-dispożizzjoni tiegħu biex iwettaq l-aġir terroristiku.

L-indikazzjonijiet huma li l-ISIS, bħala organizzazzjoni, qatta l-aħħar sena ‘jibni mill-ġdid’ mill-fdalijiet tal-kalifat li kien ħabbar, snin ilu, l-eks mexxej tal-grupp, Abu Bakr al-Baghdadi, li nqatel f’Ottubru waqt rejd mill-qawwiet speċjali Amerikani fis-Sirja.

U filwaqt li l-attivitajiet qerrieda tal-ISIS jidhru li żdiedu fl-Iraq, l-osservaturi u analisti jemmnu li, issa, ‘ikkonkludiet il-fażi tar-reorganizzazzjoni tal-grupp terroristiku’.

Is-sinjali huma, intant, li ‘twieled’ grupp tal-ISIS differenti li mgħadux jissielet biex jikkontrolla t-territorji, bil-ħsieb li ma jispiċċax aktar mira għall-qawwiet avversarji. Minflok, qed jidher li l-ISIS – bħall-al-Qaeda qabilhom – għażlu li ‘jaħdmu minn taħt l-art’ qalb il-Muntanji ta’ Hamrin, fl-Iran.

Dik iz-zona qed tkun imfissra bħala ‘hub’ għall-moviment tal-ISIS u meta hu diffiċli ħafna għall-Armata tal-Iraq biex tikkontrolla u tikkonsolida pożizzjonijiet fl-art speċifika dominata bl-għerien u nħawi ideali biex jintużaw bħala moħbiet mit-terroristi.