Kien is-sieħeb ta’ Brian Tonna f’Nexia BT, Karl Cini li kiteb u ffirma l-ittra li tiddikkjara li huwa Brian Tonna is-sid ta’ Egrant – sena wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama u xejn anqas minn 4 snin wara li infetħet Egrant.
Dan joħroġ mix-xhieda tal-istess Karl Cini waqt is-smigħ tul l-inkjesta dwar il-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Mistoqsi direttament mill-maġistrat inkwerenti Aaron Bugeja, jekk kienx hu li kiteb it-test tal-ittra ffirmata minn Ricardo Sameniego, Karl Cini ammetta li iva kien hu li fformula l-kitba tal-ittra li mbagħad bagħat lil Mossack Fonseca biex tinħareġ l-ittra minn naħa tagħhom; fi kliem semplici – kitibha Karl Cini u tal-Panama sempliciment iffirmawha!
“Dan mhux dokument komuni u jien tlabt dan id-dokument partikolari speċifikament wara li l-media kienet qed tibgħat ħafna mistoqsijiet dwar il-kumpanija.”
Il-maġistrat innota li l-format tal-ittra mhuwiex dak użat normalment fil-Panama u kien hemm differenzi evidenti. Qal ukoll li din l-ittra użat format identiku għal dak li kien kiteb Brian Tonna fis-17 ta’ Frar lil Mossack Fonseca.
Fix-xhieda tiegħu hu u jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Aaron Bugeja, Karl Cini stqarr li kellu jikteb l-ittra hu għax ried li l-ittra tgħid eżatt dak li riedu huma biex tirrispondi għall-mistqosijiet li kienu qed jistaqsu l-media lokali.
L-ittra li dwarha kien qed jitkellem Karl Cini iġġib id-data tas-16 ta’ Frar 2017… u meta ġiet ippubblikata, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dakinshar, Simon Busuttil kien qal li din l-istqarrija ma titwemminx.
Il-kumpanija Egrant kienet waħda minn tlett kumpaniji li nfetħu minn Brian Tonna ta’ Nexia BT lura fl-2013, jiem biss wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Iz-zewġ kumpanijij l-oħra, Hearnville Inc u Tillgate Inc kienu tal-eks Ministru Konrad Mizzi u tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Intant wara li r-rapport Egrant kien ippubblikat ftit tal-jiem ilu, wara rebħa fil-Qorti għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, sar magħruf ukoll li madwar 29 email mingħand Karl Cini għal għand Mossack Fonseca propju dwar dawn iż-żewġ kumpaniji tal-aħħar intilfu u ma jistgħu jinstabu mkien mill-esperti forensiċi li kienu qed jinvestigaw dwar Egrant.
L-emails imorru lura għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Awwissu tal-2015.
Dwar Egrant, jinghad ukoll li kien hemm USB stick fil-Bank Pilatus li ukoll, baqghet qatt ma nstabet. Fiha kien hemm files dwar din il-kumpanija sigrieta.
//= $special ?>