Formula 1 Sport

Leclerc jiffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Ferrari

(Ritratt: EPA)

Charles Leclerc iffirma kuntratt ġdid ta’ ħames snin ma’ Ferrari sal-2024. Dan il-kuntratt hu riżultat tal-prestazzjonijiet li kellu fl-ewwel staġun ma’ Ferrari wara li kien is-sostitut ta’ Kimi Raikkonen. Is-sewwieq ta’ 22 sena minn Monaco, rebaħ il-Grand Prix tal-Belġju kif ukoll tal-Italja b’mod knsekuttiv u kiseb seba’ pole positions, l-aktar fost is-sewwieqa f’dan l-istaġun.

Leclerc spiċċa fir-raba’ post fil-klassifika tas-sewwieqa b’total ta’ 264 punt u qabeż lil sieħbu tal-Ferrari Sebastian Vettel b’24 punt. Iż-żagħżugħ kiseb ukoll aktar rebħiet u pole positions mill-Ġermaniż kif ukoll spiċċa qablu fil-provi uffiċjali fi 12-il okkażjoni minn 21.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Leclerc qal li tgħallem ħafna fl-ewwel sena ma’ Ferrari u kompla li hu bidu tajjeb biex jibni relazzjoni b’saħħitha għas-snin li ġejjin. Leclerc ingħaqad mal-akkademja ta’ Ferrari fl-2016 u għamel id-debutt fil-Formula 1 ma’ Sauber is-sena l-oħra. F’dak l-istaġun hu kien spiċċa fit-13-il post fil-klassifika tas-sewwieqa b’39 punt.

Il-Prinċipal tat-Tim Mattia Binotto qal li d-deċiżjoni li l-kuntratt jiġġedded bdiet issir aktar evidenti ma’ kull tellieqa li bdiet tgħaddi. Hu kompla li jinsabu kuntenti li se jibqa’ magħhom fil-ħames snin li ġejjin u żied li jinsab ċert li flimkien se jiktbu paġni ġodda fl-istorja ta’ Ferrari.