L-ebda konferenza tal-aħbarijiet min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat jew mill-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi, hekk kif pajjiżna llum kellu t-tieni blackout totali fi ftit ġimgħat.

Għall-kuntrarju ta’ meta fl-2010 Joseph Muscat kien Kap tal-Oppożizzjoni, u kien sejjaħ lill-ġurnalisti għal konferenza wara li kien hemm qtugħ ta’ provvista tal-elettriku, illum la hu, u lanqas il-Ministru tiegħu responsabbli mill-enerġija, Joe Mizzi, ma sejjħu lill-ġurnalisti jew għamlu xi tip ta’ stqarrija uffiċjali.

Infatti l-uniku risposta li l-ġurnalisti rnexxielhom jisiltu mingħand il-Ministru Mizzi meta staqsewh dwar dan il-qtugħ kienet li “dawn affarijiet li jiġru”.
Minflok kienet biss stqarrija xotta għall-aħħar tal-Korporazzjoni Enemalta li qalgħet biss li s-sospensjoni tas-servizz kien dovut għal ħsara fl-interconnector. L-istess raġuni li tawna meta inqas minn xahar ilu, Malta u Għawdex ukoll kienu spiċċaw bla dawl, f’ġurnata li tibqa’ mfakkra għall- iżviluppi importanti fix-xena politiċi f’pajjiżna.
Dakinhar, rat ir-riżenji fi ftit sigħat bogħod minn xulxin, tal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, kif ukoll is-sospensjoni tal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.
Illum, meta qegħdin biss jumejn bogħod mill-Milied, ħwienet u negozji sebħu bi problema ma wiċċhom, hekk kif spiċċaw ma jistgħux joperaw b’mod normali, b’ħafna ħwienet jibqgħu magħluqin sa tard filgħodu jew kmieni waranofsinhar.


