Futbol Sport

Tottenham jappellaw il-karta ħamra ta’ Heung-Min Son

(Ritratt: EPA)

Tottenham appellaw il-karta ħamra li ngħata Heung-Min Son fit-telfa tal-Ħadd li għadda kontra Chelsea. Son tkeċċa wara deċiżjoni li ħadet fit-tul tal-VAR wara li deher jgħolli siequ bi frustrazzjoni lejn Antonio Rudiger, b’Tottenham diġà kienu jinsabu 2-0 minn taħt kontra Chelsea.

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-internazzjonali tal-Korea ta’ Isfel se jitlef it-tliet partiti li ġejjin iżda l-manager ta’ Tottenham Josè Mourinho jittama li d-deċiżjoni tinbidel. “Ma naħsibx li kienet karta ħamra. Naħseb il-VAR għandha tagħti sapport lill-futbol, iġġib il-verità lejn l-ispettaklu tal-futbol u għamlet hekk fid-deċiżjoni tal-penalty.

Mourinho kompla li l-logħba nqatlet mid-deċiżjoni ta’ Son u żied li jittama li Son ma jkunx ikkastigat ħames darbiet. “L-ewwel darba l-fawl li Rudiger għamel fuqu. It-tieni li tkeċċa. It-tielet li ma jkunx jista’ jilgħab kontra Brighton, ir-raba’ li ma jkunx jista’ jilgħab kontra Norwich u l-ħames li ma jkunx jista’ jilgħab kontra Southampton. Naħseb li jkun ikkastigat darbtejn hu biżżejjed,” qal il-Portugiż.

Son diġà tkeċċa f’dan l-istaġun fil-bidu ta’ Novembru kontra Everton. Dakinhar hu ġie muri l-karta l-ħamra wara daħla fuq Andrè Gomes, sitwazzjoni li wasslet biex il-midfielder kiser l-għaksa. F’dak il-każ ukoll, Tottenham kienu appellaw il-karta l-ħamra u l-appell kien intlaqa’ biex b’hekk Son kien eliġibbli li jilgħab fit-tliet logħbiet ta’ wara.