Kultura

Avventura storika għall-Kamra tan-Nar Madonna taċ-Ċintura fi Sqallija

Xogħol pirotekniku taċ-Ċintura fil-festa ta’ Viagrande fi Sqallija. Għall-ewwel darba se jesebixxu l-ħila artistika tagħhom barra minn xtutna

L-oriġinalità, l-artistrija, l-eżattezza u l-professjonalità fix-xogħol pirotekniku maħdum mill-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ tal-Gudja issa se jkunu jistgħu jitgawdew barra minn xtutna.

Dan hekk kif l-isem tajjeb li jgawdu l-pirotekniċi fi ħdan l-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ wassal biex, b’kollaborazzjoni ma’ BG Malta Fireworks Display, ġew mistiedna ġewwa Sqallija biex jesebixxu xogħlijiet pirotekniċi spettakolari tagħhom.

“Ma nistgħux nibdew is-sena l-ġdida aħjar milli sejrin nibdewha. Huwa unur għalina lkoll li issa mhux biss sejrin inpaxxu lill- Maltin imma anke lill-Isqallin, qal il-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, Omar Xuereb, waqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu u ta’ sħabu kollha li għall-ewwel darba, pirotekniċi mill-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ sejrin jesebixxu xogħijiet minn tagħhom barra minn xtutna.

Huma sejrin jagħmlu dan fil-festa titulari ta’ San Mauro Abbati, l-qaddis patrun tar-raħal pittoresk ta’ Viagrande fil-provinċja ta’ Katanja, Sqallija, li tiġi ċċelebrata bejn l-1 u t-12 ta’ Jannar. Il-kult ta’ San Mauro ilu miżmum b’għożża kbira sa mill-introduzzjoni tiegħu mill-patrijiet Benedittini f’nofs s-seklu sbatax.

Iċ-ċelebrazzjonijiet organizzati f‘ġieħ San Mauro Abbati huma varji u mfittxija ħafna, tant li din il-festa hija waħda mill-isbaħ u parteċipattiva fil-Lvant ta’ Sqallija. F’kull ġurnata tal-programm tal-festa jsiru funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet differenti li jieħdu ħsiebhom gruppi parrokkjali speċifiċi.
F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jispikka b’mod partikolari s-sehem taż-żgħażagħ, waqt li waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali huwa x-xogħol pirotekniku li jinħaraq f’kull serata tal-programm tal-festa.

Il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’, fergħa importanti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, sejrin jieħdu sehem fl-attivitajiet festivi li se jkunu organizzati nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar, 2020. Fost oħrajn huma sejrin jesebixxu għadd ta’ rdieden mekkaniċi li għandhom joffru spettaklu ta’ arti mill-isbaħ maħluqa minn nar ikkulurit.

Għal din l-okkażjoni storika għar-raħal tal-Gudja qed tingħata l-opportunità biex dawk il-partitarji u dilettanti tal-logħob tan-nar interessati jingħaqdu f’din l-avventura mar-rappreżentanti tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’.

Kull min jixtieq aktar dettalji, huwa mitlub jirrikorri l-Każin tal-Banda Marija Assunta.