Sport Sport Ieħor

Federer jimmira li jirbaħ l-akbar unuri fis-sena l-ġdida

(Ritratt: EPA)

Roger Federer qal li jirbaħ Grand Slam tibqa’ l-mira prinċipali tiegħu għas-sena d-dieħla wara d-diżappunt ta’ din is-sena. Federer hu l-aktar tennist li rebaħ Grand Slams fl-istorja b’total ta’ 20, iżda f’din is-sena Rafael Nadal u Novak Djokovic rebħu żewġ Grand Slams kull wieħed biex naqqsu d-distakk għal 19 u 16 rispettivament.

Federer kien viċin ħafna li jirbaħ id-disa’ titlu ta’ Wimbledon iżda naqas li jieħu vantaġġ minn żewġ championship points fil-finali kontra Djokovic, bis-Serb joħroġ rebbieħ waqt finali mill-isbaħ.

Minkejja l-età tiegħu, Federer għandu kalendarju impenjattiv quddiemu. “Ovvjament wara s-sena li kelli fejn lgħabt tajjeb u ħassejtni tajjeb fiżikament. Nirbaħ lil Novak fl-ATP Finals u nirbaħ lil Rafa f’Wimbledon, nilgħab tennis tajjeb komplessivament imma nixtieq nibdel il-fatt li fallejt milli nirbaħ l-unuri l-kbar.”

L-Iżvizzeru kompla li flimkien mat-tim tiegħu jrid jerġa’ jippjana u jitħarreġ iebes ħafna, bil-mira tiegħu tkun li jirbaħ il-ħames titli l-kbar u l-Olimpjadi. “Naf li l-Open ta’ Franza se jkun dejjem ftit aktar diffiċli. Imma kull titlu ieħor li nista’ niddefendi u kull titlu li nirbaħ hi emozzjoni mill-isbaħ għaliex naf xi tħoss.”

Federer beda l-preparazzjoni tiegħu għall-istaġun il-ġdid, b’taħriġ f’Dubai. Hu se jilgħab fiċ-Ċina qabel tmiem is-sena qabel imur l-Awstralja biex jikkompeti fl-ewwel Grand Slam tas-sena. Federer jagħlaq 39 sena f’Awwissu iżda nsista li mhux qed jaħseb biex jirtira.

Tags