Internazzjonali

Franza: Problemi kbar għat-trasport bil-ferroviji f’dawn iż-żmenijiet ta’ festa

FIl-konfront dwar il-pensjonijiet bejn is-sewwieqa tal-ferroviji u l-Gvern ta’ Franza mistenni jibqa’ intensiv anki waqt dawn il-jiem ta’ festi. Dan meta l-istrajk attwali tas-sewwieqa, li daħal fl-20 jum, qed jaffettwa ħażin lill-pjani ta’ għexieren ta’ eluf tan-nies li xtraw il-biljetti biex jivvjaġġaw lejn l-ibnadi differenti tal-pajjiż biex iqattgħu l-Milied mal-għeżież tagħhom.

Il-ħaddiema mal-kumpannija tal-ferroviji nazzjonali u mal-kumpannija tal-ferroviji li taħdem is-servizzi għal Pariġi — l-istess bħall-impjegati ma’ kumpaniji oħrajn tat-trasport pubbliku — mhumiex jaħdmu s-soltu servizzi bi protesta għall-pjan tal-Gvern biex it-42 skema tal-pensjoni ta’ Franza jkunu amalgamati fi skema waħda li tibbaża fuq il-punti.

Permezz tal-iskema proposta mistenni li jintilfu numru ta’ privileġġi għal uħud mill-ħaddiema mas-settur pubbliku.

Għaldaqstant dan il-Milied jidher se jkun diffikultuż għal kulmin jeħtieġ jivvjaġġa lejn id-destinazzjonijiet partikulari fi Franza meta huwa ċert li tħassru 40 fil-mija tas-servizzi bil-high speed trains u tal-ferroviji express bejn ir-reġjuni tal-pajjiż. Dan meta tħassru wkoll mal-20 fil-mija tas-servizzi b’ferroviji oħrajn fiz-zoni Franċiżi partikulari.