Lokali

Il-Grupp Armar Marija Assunta tal-Mosta b’wirja għal żmien il-Milied

Il-lokalità tal-Mosta hija sinonima mal-wirjiet tal-presepji. Numru sabiħ ta’ delittanti jesebixxu x-xoghlijiet tagħhom matul il-ġranet tal-Milied; però l-kelma ‘dilettanti’ tassew ma tixraqx meta wieħed jara x-xogħol mill-aktar professjonali li jkun esibit.

Il-Grupp Armar Marija Assunta qiegħed ikompli ma’ din it-tradizzjoni permezz ta’ wirja annwali fil-maħżen tal-armar maġenb il-Bażilika tal-Mosta fi Triq il-Parroċċa. Din tikkonsisti f’wirja ta’ presepju kbir statiku maħdum mill-membri fi ħdan dan il-grupp li kull min jiġi jżuru jista’ jdur mal-presepju.

Il-parti l-oħra tal-wirja tikkonsisti f’wirja kollettiva ta’presepji u bambini. Dawn jinkludu presepji li rebħu jew ġew minn ta’ quddiem fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji.

Fil-kategorija Presepju ta’ “Qies Medju” fl-ewwel post ikklassifika presepju maħdum mill-membru tal-grupp Salvatore De Martino.

Fil-kategorija tal-“Presepji Żgħar” il-presepju maħdum minn Franklyn Pace kklassifika fit-tieni post u fit-tielet post il-presepju maħdum minn Anthony Borg.

Il-wirja tiftaħ kuljum 5pm – 8pm u tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 5 ta’Jannar.