Sport Sport Ieħor

Il-mara ta’ Peterhansel se titlef ir-Rally minħabba raġunijiet ta’ saħħa

It-tlettax-il darba rebbieħ tar-Rally ta’ Dakar Stephane Peterhansel kellu jabbanduna l-ħsibijiet biex martu Andrea tkun qed isuq miegħu fir-rally ta’ Jannar fl-Arabja Sawdija, minħabba li t-tobba waqqfuha għal raġunijiet ta’ saħħa.

Il-Franċiż imlaqqam Mr. Dakar għas-suċċess fuq żewġ u erba’ roti, se jkun akkumpanjat mill-Portugiż Paulo Fiuza fl-avveniment li jibda fil-5 ta’ Jannar u għall-ewwel darba se jibda f’Jeddah. It-tim ta’ Andrea, X-Raid Mini JCW, fil-passat ikkompetiet fuq muturi u karozzi u spiċċat fil-ħames post fl-2004. Hi ma rċevietx l-approvazzjoni wara check-up ta’ rutina mit-tabib tat-tim.

“Aħna pruvajna u ttamajna sa kważi l-aħħar minuta, iżda sfortunatament Andrea ma tistax tikkompeti f’Dakar. Hi u Stèphane kellhom staġun mill-aqwa u kien hemm possibbiltà li jkunu minn ta’ quddiem fl-Arabja Sawdija, iżda s-saħħa tiġi l-ewwel. Aħna ninsabu ċerti li Paulo se jagħmel xogħol tajjeb. Hu u Stephane ħadmu tajjeb flimkien fir-Rally ta’ Riyadh,” qal il-kap ta’ X-Raid Sven Quandt.

Ir-Rally ta’ Dakar se jsir kollu fl-Arabja Sawdija u jispiċċa f’Al-Qiddiya qrib Riyadh fis-17 ta’ Jannar. Dan wara 12-il stadju u 9,000 kilometru ta’ sewqan kompetittiv. Ir-Rally ilu jsir fl-Amerika ta’ Isfel mill-2009 u s-sena l-oħra sar kollu fil-Peru. Ir-raġuni prinċipali li r-Rally ma baqax isir fl-Afrika kienet minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Nasser Al-Attiyah tal-Qatar rebaħ l-edizzjoni tas-sena l-oħra. Fost il-kompetituri l-oħra li se jieħdu sehem hemm id-darbtejn rebbieħ tad-dinja tal-Formula 1 Fernando Alonso kif ukoll l-Ispanjol darbtejn rebbieħ tar-Rally Carlos Sainz, li se jsuq mal-istess tim ta’ Peterhansel.