Lokali

Joseph Muscat jirċievi arloġġ rari ta’ €20,000 mingħand Yorgen Fenech

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inkixef li rċieva arloġġ bħala rigal mingħand Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rigal li kien jiswa’ madwar €20,000 iżda li l-valur tiegħu hu stmat li żdied sew, jifforma parti minn edizzjoni limitata. Minnhom ħarġu biss 25, b’dak mogħti lil Muscat ikun in-numru 17, ironikament l-istess numru tal-kumpanija 17Black.

Din l-istorja, żvelata mis-sit LovinMalta, hi t-tieni waħda fl-aħħar jiem. Dan wara li kien żvelat ukoll li Yorgen Fenech siefer għall-istess tieġ, tas-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, li għalih attendew ukoll Keith Schembri u Joseph Muscat.

L-aħbar ta’ dan ir-rigal, b’arloġġ tad-ditta magħmul minn deheb abjad, ma ġietx miċħuda mill-Prim Ministru Joseph Muscat li ma weġibx għall-mistoqsijiet li sarulu.

Joseph Muscat qatt ma żvela din il-ħbiberija ma’ Yorgen Fenech, li wasslitu biex jirċievi rigal tant esklussiv u ta’ valur. L-istess bħalma qatt ma’ kien żvela li siefer ma’ Yorgen Fenech.

Il-mexxej Laburista hu l-istess wieħed li, sena biss qabel irċieva dan ir-rigal, ħareġ b’attakk sfrenat fuq l-eks Ministru Tonio Fenech għax kien irċieva arloġġ tal-lira.

Dakinhar Muscat kien infexx jgħajjat, waqt laqgħa politika fir-Rabat, li “hemm bżonn titnaddaf il-politika f’Malta.” Sena biss wara, issa nkixef li kien hu li qed jirċievi rigali ferm iktar prezzjużi mingħand negozjanti ewlenin.

Waqt li dawn l-istejjer qed joħorġu f’dawn il-jiem, Yorgen Fenech talab il-maħfra presidenzjali ġimgħat ilu. Fost oħrajn kien semma’ li għandu diversi stejjer x’jikxef, inkluż dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-fatti kollha qed jindikaw li Yorgen Fenech jaf kollox fuq Joseph Muscat u Keith Schembri u għandu biex jikxef dwarhom. Iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda … mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat.