Bħalissa qed ngħixu l-agħar kriżi politika mill-Indipendenza ‘l hawn.
Dan intqal fl-editorjal tat-Times of Malta tat-Tlieta fejn jiddomina s-sens ta’ dispjaċir li f’dan iż-żmien ta’ festi u ta’ għaqda pajjiżna ma jistax jinsa l-kriżi politika li jinsab fiha.
L-editorjal jinnota li filwaqt li kburi b’pajjiżna u bit-twemmin nisrani, f’dan il-mument il-poplu Malti jinsab b’qalbu maqsuma minħabba li isem Malta ġie mfarrak fuq sfera anki internazzjonali. L-avvenimenti riċenti li ġew żvelati jitfu l-awguri tal-Milied.
It-Times kompliet billi qalet li bħalissa hemm dell ikrah fuq l-istituzzjonijet ta’ pajjiżna, u li dawn l-istituzzjonijiet iridu jerġgħu jibdew jiffunzjonaw kif suppost.
L-editorjal appella biex bħala Maltin nitgħallmu minn dawn l-avvenimenti, u neħduhom anki bħala lezzjoni għall-futur.
Fost l-oħrajn sar appell biex tinħareġ il-verità kollha u ssir ġustizzja, bil-midja anki toħroġ u tirraporta l-fatti ta’ dak li jkun qiegħed jiġri.
L-editorjal jinnota li s-sitwazzjoni preżenti se jkollha riperkussjonijiet kbar, mhux biss għall-politika f’Malta, il-familji u l-postijiet tax-xogħol, iżda wkoll għar-ruħ ta’ kull wieħed u waħda minnha. L-editorjal iwassal ukoll messaġġ li għalkemm dan il-mument ikrah fl-istorja ta’ pajjiżna, il-poplu Malti jrid juri x’valuri jħaddan, u jemmen li jista’ jegħleb dan il-mument diffiċli biex iġib il-bidla tant meħtieġa għal Malta.
//= $special ?>