Hekk kif wasal il-Milied, wieħed ma’ jistax jinsa’ li waslet ukoll il-maratona tal-Istrina li ssir l-għada tal-Milied.
Fil-fatt, diversi voluntiera stenbħu lejlet il-Milied ġewwa l-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop biex ilestu l-aħħar preparamenti għall-maratona.
Il-President ta’ Malta, George Vella żar il-kumpless biex jara l-aħħar proċess ta’ ħidma b’risq l-Istrina. Hu rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol kollu li wettqu fl-aħħar ġimgħat.C
Waqt li ħafna jkunu taw diversi rigali lill-qraba u ħbieb tagħhom, l-Istrina, li din is-sena għandha t-tema ‘din is-sena f’idejk’, titlob li wieħed jgħati xi ħaġa żgħira għal dawk inqas ixxurtjati.
Filwaqt li ninsabu f’dan iż-żmien sabiħ, il-Presdent ta’ Malta talab biex wieħed jaħseb f’ħaddieħor. Dan hekk kif id-dħul kollu jmur għall-Malta Community Chest Fund li tgħin lill-pazjenti bil-kanċer u mard serju ieħor.
Waqt L-Istrina, dawk li jixtiequ jistgħu jingħaqdu wkoll mal-voluntiera fil-Kumpless Sportiv li ġie mżejjen b’dekorazzjonijiet tal-Milied. Fost ħafna divertiment, matul il-jum se jkun hemm ukoll spettaklu minn Tikka Banda.
L-Istrina se tkun qed tixxandar fis-26 ta’ Diċembru fuq l-istazzjonijiet Maltin, inkluż Net Television.

