Lokali

L-uffiċju tiegħu għadu mhux imfittex

L-investigaturi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadhom lanqas biss wettqu search fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Żvela dan is-sit Lovin Malta, l-għada li fil-Qorti komplew joħorġu iktar dettalji dwar nuqqasijiet kbar li l-investigaturi wettqu f’dan il-każ.

Din l-aħħar aħbar tkompli tqajjem dubji dwar l-investigazzjoni, iktar u iktar meta jiftakar li Keith Schembri ġie arrestat, u meħlus ftit wara, kważi xahar ilu.

Nuqqasijiet li saru minkejja li fil-Qorti sar magħruf li l-eks Chief of Staff f’Kastilja għadu taħt investigazzjoni b’rabta ma’ dan l-assassinju u b’attentat li jfixkel il-ġustizzja.

Għalkemm l-uffiċċju tiegħu fil-Kaartieri Laburisti mhux użat wisq, u uffiċjalment jintuża fi żmien l-elezzjoni, fil-Qorti Melvin Theuma ddikjara li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie ppjanat qabel issejħet l-elezzjoni tal-2017.

L-istorja tkompli torbot fuq dettalji oħra li ħarġu fil-Qorti. Fost dawn, li l-ewwel tfittxija fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja saret biss fil-5 ta’ Diċembru, ġimgħa u nofs wara li ġie arrestat, u mingħajr il-preżenza tal-Europol.

Keith Schembri kien mitlub jgħati l-passwords tiegħu lill-pulizija iżda hu ma xtaqx itihom għax qal li għandu affarijiet sensittivi. Il-pulizija sal-lum għad m’għandiex il-passwords ta’ Schembri. L-istess kif għadha mhix fil-pussess tal-mobile li Keith Schembri qal li tilef.

Hu fid-dawl ta’ dan kollu li d-difiża ta’ Yorgen Fenech, immexxija mill-avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, fetħet kawża kostituzzjonali fejn titlob it-tneħħija ta’ Keith Arnaud minn din l-investigazzjoni.

Apparti l-mod deskritt bħala dilettantest li bih tmexxiet din l-investigazzjoni, Yorgen Fenech qed jakkuża wkoll lil Arnaud li kien qed iżomm aġġornat lil Keith Schembri dwar dak li kien qed jinstab.