Lokali

“Ma ninsewx lil min hu waħdu” – il-messaġġ tal-Kap tal-PN għall-awguri tal-Milied

Is-serata t-tajba, l-Milied it-Tajjeb lil kulħadd, lill-Maltin u l-Għawdxin, il-barranin illi hawn f’pajjiżna, li qegħdin jgħixu f’pajjiżna jew li jżuruna. Lil dawk kollha li f’dan il-mument tas-sena huwa tajjeb li flimkien nagħmlu r-riflessjonijiet tal-Milied u tal-aħħar tas-sena wkoll għax huma qrib xulxin.

Il-Milied mhux biss ir-rigali. Ir-rigal ifisser illi inti ġġedded il-memorja tat-Tliet Rejiet illi taw ir-rigali tagħhom lit-tarbija Ġesù. Ifisser li rridu naqsmu, li rridu nagħtu lil xulxin, irridu naħsbu f’dawk li huma l-aktar fil-bżonn. U allura iva, nagħtu rigali lil xulxin, xi ħaġa li hija parti mill-kultura tagħna llum, imma nippruvaw naħsbu wkoll f’dawk illi m’hemm ħadd biex jagħtihom rigali, rigali li mhux bilfors jkun xi ħaġa fiżika.

Ir-rigal jista’ jkun il-ħin tagħna, l-widna tagħna, s-smiegħ tagħna, l-fatt li nsibu l-ħin f’dan il-perjodu tal-Milied illi naraw min qiegħed fis-solitudni, min qiegħed waħdu, anzjani, dawk li m’għandhomx familji u naraw min huma, mmorru ħdejhom, inkellmuhom u nżommulhom kumpanija. Wieħed mill-akbar problemi tal-faqar illum, mhux f’pajjiżna biss iżda madwar id-dinja mhuwiex biss il-faqar finanzjarju imma huwa l-faqar tas-solitudni, dawk li qegħdin waħedhom u jaraw u jafu li fiż-żminijiet fejn kulħadd qed jiċċelebra u jmur il-festini, iktar qed tinħass din is-solitudni. Allura huwa obbligu tagħna bħala persuni, bħala umani illi naqsmu dawn il-mumenti magħhom.

Il-Milied huwa wkoll it-tama għal dawk li qegħdin f’sitwazzjonijiet diffiċli. F’pajjiżna hawn ħafna li għaddejjin minn problemi li verament irridu nagħmlu minn kollox biex ngħinuhom. Imma t-tama hi li bil-mod il-mod, ġurnata wara l-oħra eventwalment nistgħu naspiraw, jkollna tama u noħolmu li nkunu aħjar.

Jiena nixtieq li bħala poplu nibqgħu ningħaqdu u nużaw dawn il-ġranet tal-Milied biex nsibu dak li jgħaqqadna u niffukaw inqas fuq dak li jifridna ħalli verament l-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad aktar minn qatt qabel partikolarment fil-jiem tal-Milied. Grazzi u l-Milied it-tajjeb lil kulħadd.