Futbol Sport

Rebħa bilfors għal Leicester – inkella t-titlu destinat għal Liverpool

Liverpool imorru fil-King Power Stadium nhar il-Ħamis li ġej u rebħa biss għal Leicester tista’ tagħmel il-kampjonat xi ftit interessanti. It-tim ta’ Jurgen Klopp jinsab 10 punti l-istess Leicester u 11-il punt fuq Manchester City, u lgħabu wkoll partita anqas.

Minn 17-il partita, Liverpool rebħu 16 u l-oħra spiċċawha fi draw. Rebħa għat-tim ta’ Brendan Rogers, tnaqqas id-distakk għal seba’ punti biċ-Champions preżenti Manchester City li għelbu lil Leicester 3-1 fil-weekend li għadda, wkoll jieħdu ftit tan-nifs.

Draw jew rebħa għal Liverpool, anke jekk kmieni f’dan l-istadju meta jkun jonqos prattikament rawnd ieħor ta’ logħob, ikun diffiċli biex ir-Reds ifallu milli jirbħu l-ewwel kampjonat ‘Premier League’ fl-istorja, u jsiru Champions tal-Ingilterra għall-ewwel darba mill-istaġun 1989-90, dak inhar taħt il-gwida tal-Maniġer Kenny Dalglish.

Mingħajr dubju Liverpool huma favoriti netti li jirbħu d-19-il titlu fl-istorja tagħhom, bl-esperti tal-futbol Ingliż, fosthom l-eks plejer ta’ Manchester United Darren Fletcher, jikkummenta billi qal li dan huwa l-aħħar ċans biex forsi jinbet xi ftit interess fil-kampjonat.

Jekk it-tim ta’ Brendan Rodgers isiru l-ewwel tim li jgħeleb lil Liverpool fil-kampjonat, fejn ilhom ma jitilfu mit-3 ta’ Jannar li għadda, dan jista’ jagħtihom saħħa psikoloġika biex jemmnu li huma tim li jista’ jibqa’ jiċċallenġja għar-rebħ tal-kampjonat.

Ir-riżultat li kisbu Leicester fl-Etihad Stadium dejjem kien se jilgħab parti mportanti għal mod ta’ kif se tkun trattata l-partita ta’ nhar il-Ħamis, li se tibda fid-9.00pm. Iridu jirbħu bilfors, u xejn anqas minn tliet punti ma jissodsfawhom.

Fil-preżent, Liverpool għandhom il-kontroll totali tal-kampjonat, anke wara l-vjaġġ li kellhom fil-Qatar il-weekend li għaddu fejn għall-ewwel darba saru Champions tad-Dinja wara li għelbu liċ-Champions tal-Amerika t’Isfel, Flamengo, 1-0 wara l-ħin barrani.