Lokali

Rumen arrestat wara serqa f’San Ġiljan

Ilbieraħ filgħaxija, Rumen ta’ 30 sena ġie arrestat mill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta’Malta, b’rabta ma’ każ ta’ serqa li seħħ f’San Ġiljan nhar it-22 ta’ Diċembru.

Il-Ħadd illi għadda, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut fi Triq Ġorġ Borg Olivier, f’San Ġiljan. Minn stħarriġ illi sar mill-Pulizija rriżulta li r-raġel, li huwa ħaddiem fl-istess ħanut, allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti kif ukoll numru ta’ ċekkijiet.

Minn aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija rriżultala li l-persuna msemmija kienet se taħrab minn Malta l-bieraħ filgħaxija permezz ta’ titjiera lejn ir-Rumanija. Għaldaqstant, il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata u ħarġet mandat ta’ arrest.

Sussegwentament, ir-Rumen kien arrestat mill-pulizija fl-ajruport qabel ma kien se jaqbad it-titjiera. Mal-arrest, il-pulizija għamlet tfittxija fuq ir-raġel u nstab fil-pussess t’ammont ta’ droga kokaina u ecstacy.

It-Tlieta hu tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar priġunerija sospiżi għall-erba’ snin, multa ta’ €700 u jrid iħallas lill-vittma l-bilanċ ta’ €325.30.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri.