Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Stennija kbira għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied f’Betlehem

Id-devoti minn madwar id-dinja f’dawn is-sigħat qed nġabru fil-belt ta’ Betlehem biex jiċċelebraw il-Festa tal-Milied fl-Art Imqaddsa.

Betlehem, fix-Xatt tal-Punent, hu l-post fejn twieled Ġesu, bil-Palestinjani u l-barranin ilhom mis-sigħat bikrin jivvjaġġaw lejn l-inħawi għall-attivitajiet ta’ lejliet il-Milied li jsiru fil-Knisja tan-Natività u l-madwar.

Ma naqsux it-turisti li ffurmaw sriebet twal biex iżuru l-grotta ġewwa l-Knisja tan-Natività u li magħrufa bħala s-sit eżatt tat-twelid ta’ Kristu. Sadanittant, f’Betlehem, ittella programm mimli attivitajiet għall-okkażjoni, fosthom parata mill-iscouts Palestinjani b’daqq tat-tnabar u ċirimelli.

Il-quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-Knisja tan-Natività se titmexxa mill-Arċisqof Taljan, Pierbatatista Pizzaballa, li hu l-ogħla uffiċjal Kattoliku fil-Lvant Nofsani. Mistenni jkun preżenti fost oħrajn il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas.

Iċ-ċerimonji tal-Milied ta’ din is-sena f’Betlehem huma partikularment sinifikanti minħabba r-ritorn, fl-inħawi, ta’ biċċa injama li jgħidu li ġejja mill-maxtura fejn kien twieled Ġesu.

Din il-biċċa njama – jew aħar relikwa — kienet ingħatat bħala rigal lill-Papa Teodoru l-Ewwel fis-sena 640 u kienet ilha tinżamm fl-Ewropa għal aktar minn 1,300 sena qabel spiċċat lura fil-Lvant Nofsani.

Is-sena li waslet biex tispiċċa kienet waħda tajba għall-belt ta’ Betlehem li żaruha xejn anqas minn 3.5 miljun turist. Madankollu naqas l-ammont ta’ Kristjani minn Gaza li qed iżuru Betlehem peress li Iżrael ta permess biss lil madwar 200 mill-mijiet li applikaw biex imorru f’din il-belt.