Lokali

L-OASI mħassba dwar iż-żieda fl-użu tal-kokaina

Il-Fondazzjoni OASI fi stqarrija qalet li teżisti perċezzjoni falza li l-kokaina ma tagħmilx ħsara.

Bħall-alkoħol u l-kannabis il-kokaina hija meqjusa bħala droga rikreazzjonali, iżda l-abbuż minn din it-tip ta’ droga qed tiżdied u tul din is-sena, mal-40% ta’ dawk li fittxew għajnuna għall-ewwel darba minn din il-Fondazzjoni kien propju minħabba abbuż tal-kokaina u problemi marbuta mal-vizzju.

Statistika Nazzjonali tirrifletti wkoll dawn in-numri hekk kif 44% tal-persuni li jfittxu għajnuna ikun jeħtieġu trattament kontra l-vizzju tal-abbuż tal-kokaina, 25% jkollhom problema ta’ xorb, 16% jkollhom bżonn kura kontra l-vizżju tal-eroina b’9% jfittxu għajnuna minħabba l-vizzju tal-kannabis.

Il-Fondazzjoni Oasi qalet li ż-żminijiet ta’ festa tissarraf f’żieda fl-abbuż ta’ alkoħol u droga. Xi ħaġa li hija riflessa anke fin-numru ta’ persuni li jiġu miżmuma dwar abbuż f’dawn l-aħħar ġranet tas-sena.

Fakkret li l-użu ta’ sustanzi fuq il-persuna jħalli impatt kemm mentali kif ukoll finanzjari u qalet li s-severità tal-każi qed tiżdied.

Il-Fondazzjoni toffri terapija u trattament lil persuni vittmi ta’ drogi u vizzji oħra u l-familji tagħhom, kemm fuq bażi ta’ komunità kif ukoll fuq bażi personali, kif ukoll toffri informazzjoni dwar prevenzjoni.