Lokali

Madwar 600 persuna jattendu l-ikla tal-Milied tal-Caritas

Il-Kurja tal-Arċisqof inbidlet f’ristorant kbir imħejji apposta mill-ammont numeruż ta’ voluntiera tal-Caritas li f’Jum il-Milied għażlu li flok iqattgħu l-ħin mal-familji tagħhom, jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ din l-ikla tal-Milied għal dawk li huma jinsabu waħedhom jew għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Din is-sena kienet il-ħames sena li ġiet organizzata din l-ikla, li ssir bl-iskop li tlaqqa’ lil dawk kollha li m’għandhomx ma’ min iqattgħu Jum il-Milied u lil min qed iħossu waħdu jew forsi m’għandux biżżejjed flus biex jiekol ikla deċenti f’Jum il-Milied.

F’atmosfera vibranti ta’ ferħ fi żmien il-festi, spikkaw ukoll id-diversi voluntiera jitħalltu mal-mistednin fi żfin għall-kant u l-mużika.

Kull min attenda għal din l-ikla, ntlaqa’ b’tazza ċikkulata sħuna u ħafna ikel, fosthom soppa, laħam u tiġieġ u deżerta.

Il-preparamenti għal ikla li sservi dan l-ammont kbir ta’ nies huma kbar ħafna u jirrikjedu numru ta’ nies li jaħdmu id f’id u b’kooperazzjoni assoluta.

Romina Debono, waħda mill-voluntiera u waħda mill-organizzaturi ewlenin tal-ikla, tkellmet ma’ NET News, fejn spjegatilna aktar dwar il-preparamenti meħtieġa għall-ikla ta’ Jum il-Milied.

Din l-ikla ssir grazzi wkoll għal entitajiet oħra bħall-Uffiċċju tal-President li jgħin sabiex tingħata deżerta waqt l-ikla. Jikkontribwixxu wkoll is-Saint Peter’s Foundation li tipprovdi l-pożati.

F’Malta, is-solitudni hija waħda mill-akbar problemi soċjali u din l-ikla tal-Cartias toffri ftit ferħ lil dawk li matul il-bqija tas-sena, ma jsibu faraġ u wens minn ħadd.