Lokali

Il-Prim Ministru ma jiċħadx li rċieva arloġġ minn Yorgen Fenech

Jumejn wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat inkixef li rċieva arloġġ b’valur ta’ iktar minn €20,000 bħala rigal mingħand Yorgen Fenech, hu ħareġ stqarrija li fiha ma ċaħadx li aċċetta dan ir-rigal.

Filfatt il-mexxej Laburista, li kien imsiefer, mhux biss ma weġibx għall-mistoqsijiet ta’ Lovin Malta, qabel ħarġet din l-istorja, iżda lanqas ċaħadha wara li ġiet ippubblikata.

Fl-istqarrija, Joseph Muscat ma jagħmel xejn ħlief jattakka lill-midja, li qal li hi mmanipulata, u jilgħabha tal-vittma billi jgħid li hu qed jiġi attakkat. Imma fl-ebda mument ma jiddikjara li mhux vera żamm dan ir-rigal.

Il-valur tar-rigal ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, hu stmat li żdied sew għax  jifforma parti minn edizzjoni limitata.

Minnhom ħarġu biss 25, b’dak mogħti lil Muscat ikun in-numru 17, ironikament l-istess numru tal-kumpanija 17Black.

Malli ħarġet din l-istorja, ħafna nnutaw li l-episodju seħħ biss sena wara li Muscat ħareġ b’attakk sfrenat fuq l-eks Ministru Tonio Fenech għax kien irċieva arloġġ tal-lira.

Joseph Muscat qatt ma żvela din il-ħbiberija ma’ Yorgen Fenech, li wasslitu biex jirċievi rigal tant esklussiv u ta’ valur. L-istess bħalma qatt ma’ kien żvela li siefer ma’ Yorgen Fenech.

Din kienet it-tieni storja fi ftit jiem li kixfet lil Joseph Muscat. Dan wara li kien żvelat ukoll li Yorgen Fenech siefer għall-istess tieġ, tas-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, li għalih attendew ukoll Keith Schembri u Joseph Muscat.

Waqt li dawn l-istejjer qed joħorġu f’dawn il-jiem, Yorgen Fenech talab il-maħfra presidenzjali ġimgħat ilu. Fost oħrajn kien semma’ li għandu diversi stejjer x’jikxef, inkluż dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-fatti kollha qed jindikaw li Yorgen Fenech jaf kollox fuq Joseph Muscat u Keith Schembri u għandu biex jikxef dwarhom. Iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda … mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat.

Ikkummenta