Internazzjonali

Iżrael: Sfida li għandha tiswa ħażin lil Netanyahu, irrispettivament mir-riżultat

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qed jilqa’ sfida ‘mill-aktar serja’ għat-tmexxija tal-Partit Likud fil-Gvern — bl-elezzjoni interna tal-partit għandha teżamina ‘bil-kbir’il-pożizzjoni tiegħu bħala Kap.

F’din is-sitwazzjoni Netanyahu qed jiffaċċja lir-rivali antik tiegħu, Gideon Saar u għalkemm mistenni joħroġ rebbieħ, l-elezzjoni interna qed issir fi żmien ta’ diffikultajiet kbar għall-Prim Ministru Iżraeljan.

Fil-fatt, Stephan Miller, analista li kien involut f’diversi kampanji elettorali f’Iżrael, qal li ‘Netanyahu jista’ biss jitlef, irrispettivament mir-riżultat ta’ din l-elezzjoni’. Dan għaliex, irrispettivament mill-appoġġ li jikseb Netanyahu, l-elezzjoni qed titqies bħala l-ewwel darba f’għaxar snin li grupp ta’ votanti tal-lemin se jkun esprima speċifikament ix-xewqa biex jitwarrab il-Kap tal-partit attwali.

U jekk aktar minn terz tal-membri tal-Likud jivvutaw kontra Netanyahu, mhemmx dubju li dan irid jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-istatus tiegħu bħala kap . Għaldaqstant – u minkejja li telfa għal Netanyahu f’dan il-vot għandu jitqies bħala xokk – in-nuqqas ta’ rebħa konvinċenti fuq Saar kapaċi jnaqqas sew mill-influwenza tal-Prim Ministru fuq il-partit konservattiv li ilu jiddomina għal dawn l-aħħar 20 sena.

Ir-riżultati ta’ din l-elezzjoni interna mistennija joħorġu għada, bir-rebbieħ irid imexxi lil-Likud lejn it-tielet elezzjoni ġenerali f’Iżrael għal dawn l-aħħar tnax-il xahar.

Dan wara li Netanyahu u Saar għaddew l-aħħar jiem jivvjaġġaw madwar Iżrael fejn ippreżentaw il-programmi rispettivi lill-116,000 membru tal-Likud li huma eliġibbli għall-vot. Intant, Netanyahu fl-ebda ħin matul il-kampanja ma’ laqa’ l-isfida ta’ Saar għal dibattitu bejniethom wiċċ-imb-wiċċ.

Benjamin Netanyahu, li ilu fil-poter għal għaxar snin, qed jiffaċċja wkoll akkuża formali dwar sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar il-korruzzjoni.