Lokali

Jitressaq rapport formali lill-Pulizija biex tinvestiga r-rigal li rċieva Joseph Muscat

Il-grupp tas-soċjetà ċivili, Repubblika, ressaq rapport lill-Pulizija b’rabta mal-arloġġ ta’ valur ta’ iktar minn €20,000 li l-imprenditur Yorgen Fenech ta lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fir-rapport lill-Pulizija, iffirmat mill-avukat Jason Azzopardi, il-mexxej Laburista hu akkużat b’allegat każ ta’ tixħim, korruzzoni u kunflitt ta’ interess.

Dan hekk Muscat irċieva dan ir-rigal fl-okkażjoni tal-Milied tal-2014, ftit ġimgħat biss wara li l-Gvern Laburista approva garanzija statali ta’ €88 miljun f’forma ta’ self lill-Electrogas.

Din il-garanzija tal-istat, li kienet qajmet kontroversja sħiħa u li Daphne Garuana Galizia kkritikat bl-aħrax, kienet bżonnjuża biex l-Electrogas tibni l-power station il-ġdida. Eventwalment, f’Mejju ta’ sena wara, din iċ-ċifra żdiedet bi €22 miljun oħra.

Ta’ min ifakkar li s-sid ewlieni tal-kumpanija Electrogas kien Yorgen Fenech, l-imprenditur li ta dan ir-rigal lill-Prim Ministru u li issa jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fir-rapport lill-Pulizija, il-grupp Repubblika jinnota li r-rigal lussuż li ħa l-Prim Ministru jammonta għal indikazzjoni ċara ta’ att kriminali.

L-Avukat Jason Azzopardi jirrimarka wkoll il-fatt li l-arloġġ esklussiv, li minnu saru biss 25, inzerta l-istess numru tal-kumpanija 17 Black.

Yorgen Fenech hu s-sid ta’ din il-kumpanija, li skont investigazzjoni tal-FIAU kellha tgħaddi €5,000 kuljun lill-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Ir-rapport tal-Pulizija jsegwi talbiet li saru fl-aħħar sigħat biex il-Kummissarju għall-Istandards jinvestiga dan il-każ għall-possibbiltà ta’ ksur tal-istandards li jorbtu lil persuni fil-ħajja pubblika.

Ikkummenta