Lokali

Keith Schembri jħalli Malta flimkien mal-familja

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, ħalla Malta kmieni wara nofsinhar akkumpanjat minn martu u t-tfal.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif Keith Schembri u familtu dehru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Skont is-sorsi tagħna, jidher li d-destinazzjoni tiegħu hi Bologna, fl-Italja, b’Keith Schembri li kien abbord it-titjira FR 3401 li telqet minn Malta fis-18:15.

Dan minkejja li Keith Schembri għadu sa llum il-ġurnata investigat bħala parti mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri qed ikun investigat ukoll b’akkużi li pprova jfixkel l-investigazzjoni, Dan wara li Yorgen Fenech akkużah li bagħtlu ittri biex jiggwidah kif għandu jixhed. It-tabib tat-tnejn li huma wkoll ikkonferma li wassal dawn l-ittri, li madankollu qal li ma kienx jaf x’fihom.

Il-fatt li Keith Schembri qed jitħalla jħalli pajjiżna tkompli tqajjem dubji dwar l-investigazzjonijiet.

Dan wara li diġa’ sar magħruf li Keith Schembri ddikjara li tilef il-mobile, u l-Pulizija baqgħu ma sabuhx, li rrifjuta li jipprovdi l-passwords tiegħu, li l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja ġie mfittex biss jiem wara li nħeles mill-arrest kif ukoll li l-uffiċċju tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qatt ma ġie mfittex.