Internazzjonali

L-ewwel esekuzzjoni ta’ barrani fil-Ġappun mill-2009

Raġel Ċiniż ingħata l-forka għall-qtil brutali ta’ familja ta’ erba’ – b’din l-esekuzzjoni tkun l-ewwel waħda ta’ persuna barranija f’dan il-pajjiż, għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-każ tal-qattiel – li kien jismu Wei Wei u li kellu miegħu żewġ kompliċi – kien ingħata prominenza kbira fil-pajjiż, bil-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġappun, Masako Mori, tenfasizza li ‘dan kien każ mill-aktar brutali u krudili’.

Il-qtil tal-familja kien seħħ fl-2003, bil-qattiela, imbagħad, jaħarbu lejn iċ-Ċina, fejn wieħed minnhom ingħata l-piena kapitali sentejn wara. It-tielet persuna involuta fl-omiċidju xokkanti kienet weħlet il-ħabs għal għomorha.

Il-Ġappun ilu mill-2007 jiżvela l-ismijiet tal-priġunieri li jingħataw is-sentenza massima – bl-aħħar barrani maqtul bil-liġi wkoll ikun Ċiniż, li kien ingħata l-forka fl-2009.

Intant, il-Ministru Mori qalet li hi tat l-aħħar konferma biex tipproċedi l-esekuzzjoni ta’ Wei Wei ‘wara li reġgħet ikkunsidrat il-każ bir-reqqa’.

Il-Ġappun għandu ’l fuq minn 100 priġunier fuq death row. Dan meta ħmistax ingħataw il-piena tal-mewt matul is-sena li għaddiet, fosthom 13-il membri tal-kult apokalitiku, Aum Shinrikyo li, fl-1995, kienu wettqu l-attakk qattiel bil-gass sarin (każ ta’ terroriżmu domestiku) fis-subway ta’ Tokjo.

L-attakk infami inkwistjoni li kien sewa l-ħajja ta’ tlettax-il persuna, minbarra li ħalla wkoll għexieren ta’ midruba –  b’uħud minnhom imutu aktar tard mill-effetti tas-sarin.