Lokali

“L-ikbar rigal li qatt nistgħu naqilgħu huwa s-sodisfazzjon li ngħinu lil dawk fil-bżonn” – Adrian Delia

L-ikbar rigal li qatt nistgħu naqilgħu huwa s-sodisfazzjon li ngħinu lil dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed iżur il-maratona tal-Istrina. Huwa kien akkumpanjat minn diversi Deputati Nazzjonalisti.

Adrian Delia saħaq li fil-festi, għandna tendenza li ma nirrealizzawx li jkun hemm min qed ibati. Għalhekk huwa importanti li l-għada tal-Milied nifhmu x’inhu l-vera spirtu ta’ din il-festa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li huwa importanti li permezz tad-donazzjoni tagħna nagħtu tama u kuraġġ lil dawk in-nies li din l-għajnuna tagħna tagħmilhom differenza kbira f’ħajjithom

Huwa saħaq li fil-mument tal-bżonn, il-poplu Malti dejjem jingħaqad flimkien biex joffri l-għajnuna tiegħu. Adrian Delia rringrazzja lid-diversi voluntiera u dawk kollha li ħadmu kemm felħu biex tkun tista’ tittella’ din il-maratona.

Min-naħa tiegħu l-President ta’ Malta George Vella faħħar lill-politiċi li bħala rappreżentanti tal-popli, qed jiddedikaw il-ħin tagħhom għal dawk in-nies li jinsabu l-aktar fil-bżonn.

Wara li għamel l-appell tiegħu, Adrian Delia flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti rrispondew t-telefonati bid-donazzjonijiet tal-poplu Malti flimkien ma’ numru ta’ persuni u qraba li għaddew jew jinsabu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Intant is-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli flimkien mal-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, ippreżentaw donazzjoni ta’ elf ewro f’isem il-Partit Nazzjonalista b’risq il-Malta Community Chest Fund.

F’diskors qasir Clyde Puli saħaq li huwa importanti li kulħadd jagħti l-għajnuna tiegħu.. fejn joħroġ l-element ta’ solidarjetà ta’ kull wieħed u waħda minna.