Lokali

L-ikla tal-Milied ta’ Caritas tfisser ħafna

Għal sena oħra, l-ikla tal-Milied ta’ Caritas laqgħet numru kbir ta’ persuni li jew ma jaffordjawx isajru ikla għal dan il-jum jew jgħixu f’solitudni.

Dik tal-2019 kienet il-ħames sena li fiha ġiet organizzata din l-ikla u sfortunatament in-numru żdied mis-snin passati.

Iżda mhux kulħadd japprezza kemm din l-ikla tirrikjedi xogħol, mhux biss minn ġimgħat qabel l-ikla iżda wkoll l-għada f’dak li għandu x’jaqsam mat-tindif.

Dwar dan tispjega aħjar l-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Publiċi u fund-raising, Marica Cassar.

Hi kompliet tgħidilna xi tfisser għal Caritas l-għajnuna tal-voluntiera li ddeċiedew li jitilqu għal ftit minn mal-qraba tagħhom biex iferrħu lil dawk li jinsabu f’solitudni.

Marica qaltilna li din l-ikla tfisser ħafna għal dawk li jinsabu weħidhom f’dan il-jum.

Iżda din l-ikla toffri ħafna iktar milli sempliċiment li ma tħallix dawn il-persuni weħidhom f’dan il-jum. L-ikel kollu għal din l-ikla, bħalma jsir ta’ kull sena, kien provdut minn Alf Mizzi and Sons Ltd .

Sadattant diversi knejjes iddeċiedew li jestendu l-idea tal-Caritas fil-lokalitajiet tagħhom jagħmlu l-istess inizzjattiva għar-residenti biex ma jkunux weħidhom fil-Milied.