Internazzjonali

Protesti ‘li ħassru l-Milied’ f’Hong Kong

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, ikkundannat lill-attivisti li ‘ħassru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied’ permezz tal-aħħar inkwiet ċivili fit-territorju.

Dan wara li d-dimostranti favur id-demokrazija wettqu l-protesti ġodda huma u jikkonfrontaw lill-pulizija fit-territorju semi-awtonomu – fejn seħħew l-arresti fuq skala massiċċa.

L-aħħar inkwiet – wara xi ġimgħat ta’ kalma relattiva — ikkonċentra madwar id-distretti kummerċjali ewlenin ta’ Hong Kong, fejn id-dimostranti faċċjaw membri tal-korp tal-pulizija li qegħdin ikunu livell akbar  ta’ aggressività. Dan meta l-moviment ta’ protesta, f’Lejliet il-Milied, infirex tul it-toroq iffullati u fl-aktar zoni frekwentati mix-xerrejja — bl-azzjonijiet ikomplu anki waqt Jum il-Milied.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani, intant, qed jakkużaw lill-pulizija dwar ‘reazzjoni sproporzjonata’ wara li l-membri tal-korp, fl-aħħar sigħat, fittxew fuq il-persuni tan-nies għall-għarrieda huma u jagħmlu r-ronda qalb il-kumplessi kummerċjali.

Dan fost rapporti li l-pulizija sparaw ‘bla heda’ il-balal tal-gomma u l-gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti minbarra li wettqu l-arresti tal-massa b’mod mill-aktar indiskriminattiv.