Lokali

Skont Google isem Malta ġie mżeblaħ mill-kriżi politika

Il-kriżi politika li pajjiżna ilu għaddej minnha għall-aħħar xhur sfortunatament qed iwassal biex isem pajjiżna jixxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja għar-raġunijiet ħżiena.

Dan hu rifless minn statistika ppubblikata fl-aħħar sigħat li turi kif kien hemm żieda drastika fil-persuni li fittxew il-kelma Malta fuq Google.

Skont l-istatistika, ippubblikata minn Google stess, it-tfittxija ta’ Malta kienet l-iktar bejn l-24 u t-30 ta’ Novembru. F’din il-ġimgħa kienu bdew ħerġin l-aħbarijiet li Melvin Theuma talab Maħfra Presidenzjali biex jikxef id-dettalji dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Google tikkalkula l-popolarità ta’ kelma partikolari fuq skala bejn wieħed u mija. Waqt li l-ġimgħa preċedenti l-livell kien dak ta’ 78, fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru din iċ-ċifra telgħet għal mija.

Fil-ġimgħa ta’ wara, l-ewwel waħda għal Diċembru, dan in-numru naqas iżda xorta waħda nsibu ċifra għolja ta’ 84 fuq din l-iskala.

Din mhix sorpriża hekk kif f’dawn il-ġimgħat kienu diversi l-kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali l isegwew b’interess dak li kien għaddej f’Malta. Uħud saħansitra bagħtu l-ġurnalisti tagħhom f’Malta biex isegwu l-iżviluppi.

Fl-iktar ġimgħa li n-nies fittxew isem Malta fuq Google filfatt ħarġu diversi artikli fuq siti tal-aħbarijiet barranin.

Fost dawn Politico li kien irrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab taħt pressjoni kbira, The Guardian li rrappurtat ir-riżenji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, kif ukoll il-BBC li ddeskriviet dik li sejħet bħala kriżi għall-Gvern Malti.

Kellna wkoll rapporti dwar Malta mill-Euronews, The Telegraph, il-Financial Times u The Mail apparti siti minn pajjiżi iktar imbegħda bħall-Bankog Times.

Jekk wieħed iħares b’mod globali lejn dak ippubblikat minn Google nsibu firxa wiesa’ ta’ suġġetti li fittxew dwarhom in-nies.

Fl-Istati Uniti fl-2019, l-iktar tfittxija popolari kienet Disney Plus, servizz ta’ din il-kumpanija li bdiet ixxandar films u cartoons popolari f’servizz onlajn.

Isegwu l-attur Amerikan Cameron Boyce, li miet fl-eta’ tenera ta’ 20 sena kawża tal-epilessija, kif ukoll ir-rapper Nipsey Hussle li kellu 33 sena meta miet f’Marzu ta’ din is-sena, wara sparatura.