Lokali

AĠĠORNATA: Tifel ta’ 7 snin jitlef ħajtu wara li ttajjar minn gaffa

Nicholas Zammit, tifel ta’ 7 snin residenti l-Qrendi tilef ħajtu traġikament wara li ttajjar minn gaffa f’barriera f’Ta’ Kandja, limiti tal-Imqabba.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-07:00 fil-barriera fejn jaħdem il-missier tat-tifel u xi qraba tiegħu.

Jidher li l-gaffa kienet ipparkjata fil-ġenb fuq rampa meta għal xi raġuni bdiet miexja waħidha b’lura, bil-konsegwenza li laqtet lit-tifel.

Minn informazzjoni li waslitilna jidher li t-tifel kien jinsab fil-barriera flimkien ma’ missieru waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu. Hu u qraba oħra li kienu fil-post filfatt qed jiġu mitkellma mill-Pulizija biex jassistu fl-investigazzjonijiet.

Filfatt, mill-ewwel informazzjoni li waslitilna, kien qarib tal-familja li avża lill-awtoritajiet b’dak li kien għadu kif seħħ.

Kien hawn li fil-post intbagħtu membri mir-Rapid Intervention Unit li ġew assistiti wkoll mill-Pulizija tad-Distrett.

Immedjatament fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei sabiex jagħti l-ewwel għajnuna, iżda sfortunatament it-tifel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin, b’diversi esperti tal-Qorti, fosthom it-tabib Jonathan Joslin jinsab fil-post.

Fil-barriera marru wkoll l-uffiċjali mill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, l-OHSA, biex iħejju rapport li mistenni jassisti lill-investigaturi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli ħatret Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.