Lokali

Żieda inkwetanti fit-talbiet għall-ikel mill-Foodbank Lifeline

Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline qed tipprova tlaħħaq man-numru dejjem ikbar ta’ persuni u familji li qed jirrikorru għandha biex jakkwistaw xi ħaġa x’jieklu.

Dan hekk kif matul din is-sena jirriżulta li kien hemm żieda ta’ 50% fil-persuni li talbu l-għajnuna. B’hekk, matul l-2019, l-ammont ta’ persuni fil-bżonn żdied għal 90 familja fil-ġimgħa.

Iċ-Chairperson Diana Nye tkellmet ma’ The Times of Malta u spjegat kif fl-aħħar ħames ġimgħat biss ġew mgħejuna iktar minn 527 familja.

Sa Ottubru, il-foodbank kien qassam total ta’ 3,654 pakkett tal-ikel għal valur ta’ madwar €176,000 kemm lil persuni li jmorru minn jeddom kif ukoll oħrajn li jkunu ġew riferuti mis-servizzi soċjali.

Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline topera mill-Belt Valletta hekk kif hi parti mill-Knisja tal-Iskoċċiżi f’Malta.

Din l-istatistika inkwetanti ssegwi oħra li ħarġet fl-aħħar jiem, din id-darba dwar l-ammont ta’ persuni li fittxew l-għajnuna tal-YMCA għax jinsabu bla saqaf fuq rashom.

F’dan il-każ, kienu 808 l-familji fittxew l-għajnuna tal-YMCA bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, jiġifieri fi 11-il xahar.

Din iċ-ċifra hi drastikament ogħla minn dik tas-sena preċedenti, meta kien hemm 395 każ li ġie riferut lill-YMC. Dan ifisser 415-il każ iktar minn dawk riferuti lill-YMCA s’issa, fl-2019.

Dawn l-istatistiċi inkwetanti jorbtu ma’ ċifri maħruġa mill-Eurostat iktar kmieni din is-sena li juru kif f’pajjiżna għandna 83,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.