Lokali

Fenech mistieden ta’ Muscat fi Frar 2019 – itih tliet ifliexken inbid li jiswew l-eluf

Yorgen Fenech, suspettat bħala kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien wieħed mill-mistednin distinti f’party privat għal għeluq snin Joseph Muscat fi Frar li għadda fil-Palazz tal-Girgenti.

F’dan il-festin privat, Yorgen Fenech ta lil Muscat tliet ifliexken ta’ inbid fin li jqumu eluf ta’ ewro. Dan kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta, ftit tal-jiem biss wara li sar magħruf li Fenech kien ta lil Muscat arloġġ edizzjoni limitata tad-ditta Bulgari ta’ iktar minn €20,000.

L-inbejjed li Yorgen Fenech xtara lil Muscat huma tad-ditta rinomata Petrus fir-reġjun ta’ Bordeaux u t-tliet flixkien huma stmati li jiswew madwar €5,800. It-tliet ifliexken huma ta’ sinjifikat personali għal Muscat. Wieħed minnhom għandu l-annu tal-1974, is-sena tat-twelid ta’ Muscat u t-tnejn l-oħra għandhom l-annu tal-2007, is-sena li twieldu uliedu tewmin.  Skont esperti tal-inbid, l-inbid tal-1974 jiswa madwar €1,400 u t-tnejn l-oħra stmati li jiswew €2,200 kull wieħed.

Il-ġurnal ifakkar li Joseph Muscat kien jaf li Yorgen Fenech kien suspettat b’involviment fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Mejju tal-2018 meta kien iffirma l-ordni biex is-servizz tas-sigurta’ jibda jissemma’ t-telefonati ta’ Yorgen Fenech. Iżda, ftit xhur wara, fi Frar ta’ din is-sena, l-istess Yorgen Fenech kien wieħed mill-mistednin distinti ta’ dan il-festin privat f’għeluq snin Muscat.

Kelliem għal Muscat qal li l-Prim Ministru kien ingħata struzzjonijiet mill-investiguri biex jistieden lil Yorgen Fenech sabiex ma jqanqalx suspetti.

Dwar l-inbejjed, l-istess kelliem qal li dawn l-inbejjed, m’humiex fil-ħażna personali tal-Prim Ministru iżda huma fil-pussess tal-Istat. Dan minkejja is-sinjifikat personali ta’ dawn ir-rigali.

Iktar kmieni dan ix-xahar ġie żvelat li Yorgen Fenech kien ta lil Muscat arloġġ tad-ditta Bulgari li hu stmat li jiswa’ mal-€20,000. Dan l-arloġġ kien edizzjoni limitata ta’ ftit mudelli fl-2004 biex ifakkar l-okkażjoni tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Kien George Fenech, missier Yorgen, li kien xtara l-arloġġ. George Fenech miet f’Diċembru tal-2014 u Yorgen ta l-arloġġ lil Muscat ftit jiem wara bħala rigal tal-Milied 2014.

Filwaqt li fil-Qrati diġa ħarġet il-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u l-eks Chief of Staff  ta’ Muscat Keith Schembri minn mindu kienu tfal, f’dawn l-aħħar jiem bdiet toħroġ iktar fid-deher kemm Yorgen Fenech kien qrib ta’ Joseph Muscat stess.