Jum ta’ xogħol għal bosta xufiera tat-taxis il-bojod kellha laqta karitatevoli u nobbli hekk kif il-Ġimgħa rritornat il-Malta Taxi Charity Ride għall-għexieren ta’ tfal li jgħixu fiċ-ċentri u d-djar differenti madwar il-pajjiż.
Anthony Tanti welled din l-inizjattiva 37 sena ilu biex ix-xufiera jferrħu bosta tfal li minħabba problemi differenti jgħixu ‘lil hinn mill-familji tagħhom. Dawn it-tfal sabu familja oħra f’ċentri u djar differenti fejn jgħixu.
Omar Micallef, li flimkien ma’ Raniero Casha, Johann Cauchi u Keith Fava organizzaw dina l-ġurnata, tkellem magħna dwar l-attivitajiet li ħejjew għat-tfal.
Waqt il-festin fl-Isplash & Fun, attenda ukoll il-President ta’ Malta, George Vella li kien milqugħ mix-xufiera u t-tfal kollha preżenti.
Johann Cauchi spjega kif grazzi għall-attività bħal din, ix-xufiera tat-taxis il-bojod jirnexxielhom jiltaqgħu kollha bejniethom f’dawn iż-żminijiet ta’ festi biex mhux biss jieħdu pjaċir huma, iżda jferrħu lil ħaddiehor.
L-istennija għal din il-ġurnata għat-tfal kien evidenti wisq, kif spjegat aħjar Sister Paula Schembri minn Angela House, f’Guardamangia.
Hija temmet b’appell għall-ġenerożità tal-poplu Malti ma’ dawn id-djar li tant jagħmlu ġid mat-tfal.
//= $special ?>