Lokali

Gvern bil-vaganzi waqt li jiġu żvelati l-iskandli ta’ Muscat u Schembri

Quddiem lista ta’ skandli li ġew żvelati f’temp ta’ 48 siegħa bejn il-lejl tal-Milied u l-għada ta’ Boxing Day dwar il-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat u l-eks-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qajla qed iħabbel rasu dwar dan.

Il-lista ta’ skandli tinkludi fost l-oħrajn li l-Prim Ministru Joseph Muscat rċieva flixkun tal-inbid Petrus tas-sena 1974 u żewġ t’ifliexken oħra tas-sena 2007, b’valur globali ta’ €6000, arloġġ li jiswa €2000 u saħansitra edizzjoni limitata ta’ arloġġ Bulgari, li jiswa €20,000, kollha mingħand Yorgen Fenech, kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Quddiem din il-lista, il-Ministu tat-Trasport huwa mehdi jgawdi l-vaganzi, bil-Gvern jirritorna għax-xogħol wara:

Jien ma nafx x’irċieva l-Prim Ministru. Jien kont qiegħed mal-familja ingawdi l-festi. Wara l-vaganzi nkomplu bil-ħidma tagħna bħala Gvern.

Dan meta mhux huwa biss qiegħed igawdi l-vaganzi hekk kif il-Pulizija tat il-permess tagħha biex Keith Schembri jitħalla jitlaq minn Malta għal vaganza f’Bologna. F’dawn l-aħħar ħinijiet, ġie rrappurtat li l-Prim Ministru stieden lil Yorgen Fenech għall-festin t’għeluq sninu fil-Palazz tal-Girgenti fi Frar li għadda.

Mistoqsi jekk qattx irċieva rigali mingħand Yorgen Fenech, Ian Borg wieġeb b’dan il-mod:

Lil Yorgen Fenech qatt ma rajtu, qatt ma kellimtu. Iġifieri ma stajtx irċievejt rigali però mhux il-punt.

Mistoqsi ukoll jekk jistħix li l-Prim Ministru jirċievi arloġġ ta’ €20,000 meta fil-passat kien għamlu kaos sħiħ fuq arloġġ tal-Lira li kien jiswa €500, Ian Borg qal li ma jiddubitax mill-istqarrija tal-Prim Ministru:

Ħa nerġa’ ngħidlek, jien ma nafx x’irċieva l-Prim Ministru. Il-Prim Ministru qal li dejjem mexa mal-kodiċi tal-etika u m’għandix għalfejn niddubita minn dak li qal il-Prim Ministru.