Futbol Sport

UFFIĊJALI: Ibrahimovic jirritorna ma’ Milan

(Ritratt: EPA)

Il-futur ta’ Zlatan Ibrahimovic se jkun fl-Italja ma’ Milan hekk kif l-istess Milan ħabbru li l-attakkant jirritorna fis-Serie A. Ibrahimovic mistenni jasal l-Italja fit-2 ta’ Jannar u se jiffirma kuntratt ta’ sitt xhur ma’ Milan b’għażla ta’ sena oħra.

Il-media fl-Italja rrappurtat ix-xahar li għadda li Milan kienu għamlu offerta għall-attakkant. Ibrahimovic lagħab ma’ Milan bejn l-2010 u l-2012 u skorja 56 gowl f’85 logħba.

Napoli u Bologna ssemmew bħala timijiet interessati fl-Iżvediż iżda qatt ma għamlu offerta uffiċjali. In-negozjati ta’ Milan ma kinux faċli minħabba li riedu jkunu konformi mar-regoli tal-Financial Fair Play. Ir-Rossoneri qed jiskontaw sospensjoni mill-kompetizzjonijiet Ewropej minħabba ksur tar-regoli finanzjarji tal-UEFA.

Ibrahimovic li għandu 38 sena ġej minn esperjenza fl-Istati Uniti ma’ Los Angeles Galaxy u fl-aħħar staġun hu skorja 31 gowl f’31 logħba fil-Major Soccer League. Ma’ Milan hu rebaħ is-Serie A fl-2011. Milan bħalissa jinsabu fil-11-il post fis-Serie A fejn skorjaw biss 16-il gowl fi 17-il logħba tal-kampjonat. Fuq il-media soċjali bdiet kampanja biex Ibrahimovic jingħata l-flokk bin-numru 1.