Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jitlaq minnufih – PN

Il-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija għażel li jħalli lil eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jmur fuq btala mal-familja, turi kemm il-Kummissarju spiċċa jintuża mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan meta l-Kummissarju, li huwa skreditat minn kulħadd inkluż iż-żewġ kandidati għall-Prim Ministru ġdid, ta permess speċjali lil min jinsab investigat dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami stqarr li huwa inaċċettabbli li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħti permess bħal dan lil min jinsab suspettat dwar omiċidju, li fixkel il-ġustizzja u bi kxif ta’ informazzjoni sensittiva kemm tal-Istat u tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Għalhekk, il-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux triq oħra ħlief li jitlaq immedjatament u bħalu għandu jitlaq immedjatament ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkunx forma ta’ pressjoni, tfixkil jew indħil fuq l-investigazzjonijiet. Pajjiżna ma jistax jibqa’ jgħaddi minn din is-sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz f’idejn il-klikka ta’ kriminalità li ħatfet Kastilja.