Internazzjonali

In-Niġerja: Ostaġġi Kristjani maqtula taħt idejn l-ISIS

Il-grupp terroristiku ISIS għadu kemm ħareġ filmat li, skont il-kelliema tagħhom, juri l-qtil ta’ 11-il ostaġġi Kristjani fin-Niġerja.

L-ISIS sostna li l-esekuzzjonijiet kienu parti minn ‘kampanja ta’ tpattija’ għall-qtil tal-Kap tiegħu, Abu Bakr al-Baghdadi, li kien seħħ fis-Sirja, f’Ottubru li għadda.

Ma ngħatawx dettalji dwar il-vittmi Kristjani li kienu kollha rġiel, iżda l-ISIS qal li dawn ‘kienu nħatfu fl-aħħar ġimgħat’ fl-Istat ta’ Borno, lejn il-grigal tan-Niġerja.

Il-filmat tal-qtil tal-ostaġġi ( twil għal 56 sekonda) hu produzzjoni tal-aġenzija tal-aħbarijiet ‘Amaq’ tal-ISIS u ħareġ proprju l-għada tal-Milied. L-analisti qed jgħidu, intant, li l-filmat ‘kien ippjanat apposta biex joħroġ għal dawn iż-żmenijiet ta’ festi’.

Il-Gvern tan-Niġerja ma kkummentax dwar il-filmat inkwistjoni.