Lokali

Inbid, arloġġi, u aktar…

Yorgen Fenech kien wieħed mill-mistednin ta’ Joseph Muscat f’festin li sar fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti fi Frar li għadda, fejn tah inbid li jiswa eluf ta’ ewro.

Dan ma kienx l-ewwel rigal li l-Prim Ministru irċieva mingħand Fenech, ir-raġel kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’okkażjonijiet preċedenti, Fenech kien ta lill-Prim Ministru żewġ arloġġi li jiswew eluf kbar ta’ ewro.

Il-Festin ta’ Frar spiċċa fuq is-siti soċjali wara li nxtered vidjo fil-Palazz tal Girgenti li juri lil Muscat u martu Michelle jiżfen u jkantaw ma’ innu antik tal-Partit Laburista.

F’artiklu maħruġ mit-Times of Malta, intqal kif Fenech, kien wieħed mill-ewwel persuni li waslu għall-festin u ta 3 flixken inbid Pétrus lil Muscat

Id-dati tal-fliexken kienu speċjalment sinifikanti għal Muscat. Wieħed mill-fliexken kien tal-1974, is-sena tat-twelid tal-Prim Ministru, waqt li ż-żewġ fliexken l-oħra – it-tnejn tal-2007 – jimmarkaw is-sena li twieldu ulied Muscat

It-tliet fliexken jiswew madwar €5,800 jekk jinxtraw onlajn. B’wieħed mill-fliexken jinbiegħ għal medja ta’ €1,400 filwaqt li t-tnejn l-oħra jinsabu għal bejgħ għal madwar €2,200 kull wieħed.

Meta kkuntattjat, kelliem għall-OPM qal li l-Prim Ministru kien attenda għal numru ta’ avvenimenti madwar il-perjodu tal-Milied 2018 fejn membri tal-familja Fenech kienu preżenti.