Sport

Ir-Russja tappella kontra s-sospensjoni ta’ erba’ snin imposta mill-WADA

(Ritratt: EPA)

Ir-Russja appellat formalment kontra s-sospensjoni internazzjonali ta’ erba’ snin mill-avvenimenti sportivi u sanzjonijiet oħra imposti mill-Aġenzija Dinjija kontra d-Doping (WADA). Dan wara allegazzjonijiet li l-informazzjoni tal-laboratorju kien immanipulata.

Ftit aktar minn ġimagħtejn ilu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-WADA kien ħabbar li laqa’ r-rakkomandazzjonijiet ta’ kumitat indipendenti biex iddikjara li r-RUSADA ma mxietx mal-kodiċi. B’hekk ir-Russi ma jistgħux jikkompetu f’avvenimenti bħall-Olimpjadi tas-sena d-dieħla u t-Tazza tad-Dinja tal-futbol fl-2022.

L-investigaturi tal-WADA sabu li l-informazzjoni miksuba mill-laboratorju ta’ Moska bejn Jannar tal-2012 u Awwissu tal-2015 kienet immanipulata. Fost l-informazzjoni li kienet miksuba minn whistleblower fl-2017, kien hemm xi dokumenti nieqsa minn dawk ta’ din is-sena.

Il-President tar-Russja Vladimir Putin indika li l-pajjiż kellu raġuni għaliex jappella minħabba li fi kliemu l-kastig ma jistax ikun kollettiv u jħalli effett fuq in-nies li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ ċertu ksur ta’ regoli. Il-każ se jinstema’ fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport is-sena d-dieħla.