Internazzjonali

Jiżdiedu l-vittmi tat-tifun fil-Filippini

L-ammont tal-mejtin mit-tifun li assedja lill-Filippini għall-perjodu tal-Milied issa qabeż it-30, bl-awtoritajiet tas-servizzi għall-kontroll tad-diżastri naturali jikkonfermaw li għad fadal xi persuni neqsin.

Dawn in-neqsin ilhom ma jidhru mindu l-pajjiż, nhar it-Tlieta, intlaqat mill-agħar ta’ Tifun Phanfone.

It-tifun ikkaġuna l-għargħar minbarra li qered numru ta’ residenzi f’diversi provinċji tal-Filippini. Sadattant, l-elementi tat-tifun wasslu għall-evakwazzjoni ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni minbarra li laqtu ħażin lill-mezzi tal-ivvjaġġar, fost l-inkonvenjent għal eluf kbar ta’ nies li xtaqu jqattgħu l-festi mal-għeżież tagħhom.

Meta, bħalissa, deħlin id-dettalji dwar id-diversi traġedji dovuti għal Tifun Phanfone, kien ikkonfermat li wħud mill-mejtin spiċċaw mgħaffġin taħt siġar li ċedew għal fuqhom, b’oħrajn imutu mgħarrqin inkella minn xokkijiet tal-elettriku.

Ingħad ukoll li sitta mill-vittmi kienu membri tal-istess familja — biċ-ċifra ġenerali tal-vittmi mistennija tiżdied fis-sigħat li ġejjin.