Lokali

“Kienet kontinwament fil-mira tal-gvern” – jixhdu ulied Daphne fl-inkjesta pubblika

Kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dalgħodu komplew jixdhu aktar persuni fosthom ulied Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar seduta aktar kmieni dan ix-xahar kienu xehdu omm u missier Daphne Caruana Galizia kif wkoll ħutha u neputijiet.

L-ewwel ma beda jixhed kien wieħed mit-tfal ta’ Caruana Galizia, Paul.

Hu jgħid li hemm evidenza li qed turi li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat qed iservi biex ma toħroġx il-verita’ kollha marbuta mal-assassinju ta’ ommu.

Paul Caruana Galizia jitkellem wkoll dwar il-Korp tal-Pulizija u kif l-eks Kummissarju tal-Puizija Michael Cassar ma nvestigax ir-rapporti tal-FIAU. Jgħid li l-Pulizija naqset meta ma saritx investigazzjoni dwar il- kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Iben Daphne Caruana Galizia jkompli jgħid fil-Qorti li l-Puizija kellha tipproteġi lill-ommu u x-xogħol investigattiv li kienet taħdem fuqu.

Fl-inkjesta pubblika illum xehed anke Andrew Caruana Galizia. Jgħid li dawk in-nies li ppjanaw li joqtlu lil ommu riedu jużawha bħala eżempju għaliex hi kienet kontinwament fil-mira tal-gvern.

Hawn hu semma kif jumejn wara l-assassinju ta’ ommu sar jaf li l-ispettur Daniel Zammit, li Daphne kienet kitbet artiklu dwaru, kien ilu jsegwi l-passi tagħha flimkien ma’ persuni oħra.

Andrew Caruana Galizia qal anke li l-familja Caruana Galizia jiġu akkuati u b’xi mod jew ieħor jridu jpattuha lill-Partit Laburista. Dan mhux il-kaz. Iridu biss ġustizzja għal ommhom.

Titla tixhed wkoll oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne. Hi tgħid li dak li kienet zvelat oħta ħarbat lill-pajjiż. Iżda dan mhux tort tagħha imma tort ta’ min għamel il-korruzzjoni. Hawn hi fakkret kif l-istorja tal-kumpanija sigrieta Egrant wassllet biex għalaq il-bank Pilatus.

Corinne tgħid wkoll li l-intenzjoni ta’ oħta Daphne ma kinitx li tinvestiga l-kriminalita’ organizzata. L-interess tagħha kien il-politika f’Malta. Pero’ sakemm kienet qed tagħmel dan skopriet li kienet qed tikxef korruzzjoni li turi konnessjoni bejn politiċi Maltin fil-poter u kriminalita’ organizzata fuq livell internazzjonali.

L-avukat Therese Comodini Cachia li qed tidher għall-familja Caruana Galizia titlob biex fis-seduta li jmiss jitla jixhed l-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo

Din it-talba tiġi milqugħa u se jitilgħu jixdhu wkoll l-ex kummissarju Peter Paul Zammit u l-Kummissarju attwali Lawrence Cutajar.

L-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hi skedata biex tkompli fis-7 u d-9 ta’ Jannar fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.