Lokali

Konferma tal-qrubija personali tal-Prim Ministru mal-kriminalità – PN

Dak li ġie żvelat fil-midja, li dak li huwa l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ta rigali li jiswew eluf kbar ta’ ewro lill-Prim Ministru Joseph Muscat hija xhieda tal-qrubija li teżisti bejn l-istess Prim Ministru u ċirku ta’ persuni kriminali, li spiċċaw biex ħatfu Kastilja. Rigali, arloġġi u inbejjed b’uħud minnhom bi ħsieb jew personalizzati, li juru li saru b’intenzjoni u b’mod li juru biċ-ċar tal-qrubija personali u ħbiberija.

Huwa wkoll għal kollox inaċċettabbli li l-Prim Ministru ta’ pajjiżna jkun involut daqshekk fil-qrib ma’ persuni li llum il-ġurnata jinsabu akkużati bl-assassinju ta’ ġurnalista, u lanqas mhu aċċettabbli li l-eks ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien involut fl-istess ħbiberiji li kif żvelat il-midja l-intenzjonijiet kienu li jakkwista eluf kbar kuljum mill-kumpanija 17 Black tal-mandant tal-assassinju minn wara dahar il-poplu.

Dan kollu jerġa’ jikkonferma li Joseph Muscat jrid jitlaq immedjatament u pajjiżna ma jistax jistenna aktar ġranet biex il-Partit Laburista joqgħod isolvi l-problemi interni li daħħluh fihom Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Pajjiżna ma jistax jibqa’ jaqla’ aktar daqqiet fir-reputazzjoni u għalhekk Joseph Muscat għandu jitlaq minnufih biex ma jkunx hemm indħil fil-ġustizzja, li trid issir u tidher li qed issir. Kull ġurnata li jdum hemm il-Prim Ministru, qed ixekkel il-proċess tal-ġustizzja.