Lokali

“L-attitudni li fil-Partit Laburista kollox jgħaddi u kollox qisu xejn m’hu xejn mhux se naċċettaha”

Tkompli tiħrax il-battalja interna fil-Lejber hekk kif qed toqrob dejjem aktar l-elezzjoni għal Mexxej ġdid. U għalkemm ninsabu fl-eqqel tal-festi, l-atmosfera fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista żgur mhi festiva xejn!

“Din l-idea u l-attitudni li fil-Partit Laburista kollox jgħodd u kollox jgħaddi u kollox qisu xejn m’hu xejn mhux ser naċċettaħha.” Hekk stqarr is-Segretarju tal-Kumitat Laburista tal-Isla Mark Camilleri, f’messaġġ twil li poġġa’ fuq Facebook illum.

Camilleri, li huwa wkoll iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u attivista tal-PL, stqarr li d-dinastiji ilhom żmien li inqatgħu – u ħareġ b’attakk qawwi kontra d-deputat Robert Abela.

“Robert Abela għandu mentalita ta’ prinċep, egojist li mingħalieh li l-pajjiż huwa tiegħu u li jista’ jagħmel li jrid. L-opportuniżmu tar-rent seeking elite, tal-ħbieb tal-ħbieb, tal-qalbha li dejjem gaawdew minn fuq il-poplu jrid jinqata’ darba għal dejjem.”

Skont Mark Camilleri, Robert Abela huwa opportunist u dejjem ħadem għal butu u l-interess tiegħu u mhux għall-pajjiż jew għall-Partit.