Internazzjonali

L-Awstralja: Inkwiet li l-mewġa tas-sħana se teskala lin-nirien

L-Awtoritajiet lokali qegħdin jinkwetaw li mewġa tas-sħana ‘imminenti’ għall-Awstralja kapaċi teskala l-kundizzjonijiet favorevoli għan-nirien qalb l-aħrax li ilhom il-ġimgħat jiddominaw f’numru ta’ Stati Awstraljani.

Il-mewġa tas-sħana mistennija tolqot sew (madwar l-Awstralja) minn ħin għall-ieħor, meta t-temperaturi għandhom jogħlew ’il fuq minn 40 gradi Celsius fid-diversi Stati affettwati mill-bushfires — fosthom New South Wales, South Australia u Victoria.

Għalissa, ’il fuq minn 100 nirien għadhom qed jaqbdu qalb l-aħrax u z-zoni ddominati minn foresta – bl-agħar nirien ikunu indikati lejn il-Punent ta’ Sydney.

Dan meta fi żmien il-Milied, l-iskwadri għall-emerġenza ħadu xi ftit tal-vantaġġ mit-tnaqqis fis-sħana biex jippruvaw jikkontrollaw l-akbar emerġenzi tan-nirien.

Intant, l-awtoritajiet tas-servizzi għal kontra n-nirien fi New South Wales qed jistennew li l-kundizzjonijiet tas-sħana jerġgħu jikkumplikawlhom l-isforzi biex iġibu s-sitwazzjoni lura taħt kontroll u meta ħadd mhu jeskludi l-periklu għall-ħajja u l-proprjetà. Fl-istess ħin hemm stennija għal aktar kundizzjonijiet ta’ nixfa, umdità baxxa u rwiefen ġodda li x’aktarx jixprunaw il-fjammi lejn zoni ġodda

Dan meta mistennija tirritorna l-mewġa tas-sħana ġdida, ġimgħa biss wara li l-Awstralja rreġistrat l-aktar żewġ jumejn tas-sħana tisreġ fl-istorja. Fil-fatt, is-sħana medja għall-Awstralja, fid-19 ta’ Diċembru, kienet laħħqet massimu ( rekord)  ta’ 41.9 gradi Celsius.