Futbol Sport

Liverpool fi klassi għalihom u prattikament qatlu l-kampjonat b’rebħa faċli fuq l-eqreb rivali

Liverpool fetħu 13-il punt vantaġġ u barra minn hekk lgħabu partita inqas mill-istess Leicester wara li għelbu lit-tim ta’ Brendan Rogers faċilment fil-King Power Stadium. Issa Liverpool ilhom kważi sena ma jitilfu partita fil-kampjonat Ingliż.

Liverpool daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ meta fil-31 minuta mill-cross t’Alexander-Arnold, Roberto Firmino għola tajjeb u bir-ras tefa’ fix-xibka. It-tim ta’ Jurgen Klopp komplew jiddominaw wara l-mistrieħ meta fil-71 minuta ngħataw penalty wara ‘handsball’ fil-kaxxa, bis-sostitut James Milner, li kien għadu kemm dieħel, li mill-11-il metru ma żbaljax biex għamilhom 2-0.

Tliet minuti wara l-Brażiljan Firmino skorja gowl mill-ibaħ meta minn pass preċiż ieħor ta’Alexander-Arnold huwa sab l-angolu tax-xibka biex għamilhom 3-0. Liverpool baqgħu jippressaw u fit-78 minuta, l-aħjar plejer tal-partita – Trent Alexander-Arnold b’xutt angolat fir-rokna rnexxilu jsib ix-xibka biex għamilhom 4-0, bl-internazzjonali Ingliż jikkonferma l-potenzjal kbir tiegħu.

Minkejja l-ħafna partiti u l-ivvjaġġar tar-Reds, l-għejja mhijiex qed tilgħab partiti mportanti f’dan il-mument kruċjali biex Liverpool komplew fejn ħallew qabel marru l-Qatar biex rebu t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs kontra Flamengo.

Fil-partiti l-oħra Manchester United għelbu lil Newcastle 4-1 f’Old Trafford f’logħba li ddominaw fejn kellhom 74 fil-mija pusses tal-ballun. Kienu t-tim ta’ Steve Bruce li marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta permezz ta’ Matthew Longstaff iżda seba’ minuti wara Anthony Martial ġab id-draw biex fis-36 minuta missila ta’ Mason Greenwood dawwret ir-riżultat favur ir-Red Devils.

Erba’ minuta qabel il-mistrieħ daqqa ta’ ras mill-isbaħ ta’ Marcus Rashford għamlet l-iskor 3-1. It-tim ta’ Ole Gunnar Solskajer baqa’ jiddomina l-partita biex fit-tieni taqsima żied ieħor fil-51 minuta għal darba oħra permezz ta’ Anthony Martial.

Fil-partita ta’ kmien fil-ġurnata Tottenham sabu ruħhom gowl minn taħt kontra Brighton iżda spiċċaw biex rebħu l-partita 2-1. Fis-37minuta kien Adam Webster li għamilhom 0-1 iżda fil-53 minuta Harry Kane ġab id-draw biex 18-il minuta mit-tmiem Dele Alli ta rebħa mportanti li tim ta’ Josè Mourinho.

Arsenal taħt il-gwida l-ġdida ta’ Mikel Arteta ġew draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra AFC Bournemouth. Fit-35 minuta minn azzjoni mill-isbaħ u korali Dan Gosling għamilhom 1-0 għall-‘home’ tim bl-Arsenal isalvaw il-partita fis-63minuta minn Pierre-Emerick Aubameyang.

Is-sorpriża tal-ġurnata seħħet fl-Londra fejn wara li fil-partita preċedenti Chelsea għelbu barra minn darhom lil Tottenham 2-0, tilfu f’darhom kontra
Southampton 2-0. Kienet rebħa meritata għas-Saints b’gowls fil-31minuta minn Michael Obafemi biex fis-73 minuta kien Nathan Redmond li ssiġġilla r-rebħa.

Crystal Palace dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra West Ham United. Il-Hammers marru fil-vantaġġ fil-57 minuta permezz ta’ Robert Snodgrass iżda Cheikhou Kouyate fit-68 minuta u Jordan Ayew fid-90 minuta taw tliet punti mportati lit-tim ta’ Roy Hodgson.

Carlo Ancelotti beda bit-tajjeb l-avventura tiegħu ma’ Everton b’rebħa ta’ 1-0 fuq Burnley. Il-gowl importati ġie skurjat minn Dominic Calvert-Lewin 10 minuti mit-tmiem.

Il-battalja kontra r-relegation bejn it-tims promossi ta’ Aston Villa u Norwich tat raġun lil Villians b’gowl waħdani ta’ Conor Hourhane fl-64 minuta. Il-Canaries jistgħu jħossuhom sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta f’din il-partita anke għax għal ħin twil iddominaw lill-avversarji.

Watford li fil-partita tal-‘weekend’ li għadda għelbu lil Manchester United 2-0 ħadu punt importati meta ġew draw ta’ 1-1 kontra Sheffield United barra minn darhom. Il-partita ntemmet 1-1 u kienu Watford li marru fil-vantaġġ fis-27 minuta minn Gerard Deulofeu iżda disa’ minuti wara Oliver Norwood ġab id-draw għall-‘home team’.

Manchester City jkunu fl-azzjoni l-Ġimgħa filgħaxija għand Wolverhampton Wanderers, partita li tibda fid-8.45pm.